Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu biex ifasslu lista sewda ta’ tax havens b’konsegwenza tal-informazzjoni li ħarġet fil-każ tal-Panama Papers. Il-Ministri tal-Finanzi Ewropej qablu dwar dan il-pass li għadu jkun konkluż lejn l-aħħar tas-sajf.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li pajjiżi fuq il-blacklist tat-taxxa se jkunu suġġetti għal sanzjonijiet f’każ li huma jinjoraw is-sejħiet biex jimplimentaw bidliet u riformi.
Il-leaks tal-informazzjoni minn miljuni ta’ dokumenti miżmuma mid-ditta tal-liġi Mossack Fonseca, li hi bbażata l-Panama, żvelaw kif numru ta’ politiċi u persuni influwenti użaw it-tax havens biex jaħbu l-ġid li akkumulaw bl-iskop li jevitaw it-taxxa.
Fil-passat, il-pjani għal lista unika tal-UE ‘dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx’ għall-ħarsien tal-kriterji tat-taxxa kienu miżmuma minħabba interessi nazzjonali konfliġġenti. Bħalissa, it-28 Stati tal-UE għandhom listi nazzjonali diversi ta’ tax havens u jistgħu jiddeċiedu jekk jimponux il-miżuri restrittivi fuq bażi individwali.
Sadanittant, il-Ministri Ewropej qablu wkoll biex jaqsmu l-informazzjoni dwar terzi persuni li jibbenefikaw mid-drittijiet speċifiċi tas-sidien tal-kumpanniji offshore. Dan meta l-UE qed tippjana miżuri stretti għall-kontroll ta’ banek u konsulenti tat-taxxa li jgħinu lill-klijenti tagħhom biex jaħbu l-flus f’numru ta’ skemi offshore.
//= $special ?>