Internazzjonali

Żjara fit-Turkija biex jippromwovu ftehim dwar l-immigranti

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, żaret iz-zona tal-fruntiera tat-Turkija mas-Sirja biex, flimkien ma’ uffiċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea, tippromwovi ftehim kontroversjali dwar l-immigranti li ilu effettiv għal xahar.

Merkel marret fil-kamp tar-refuġjati fil-belt Torka ta’ Gaziantep, bil-programm jinkludi wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu. Jakkumpanjawha għal dan il-vjaġġ kien hemm il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk u l-Viċi-President tal-Kummissjoni tal-UE, Frans Timmermans.

Bħalissa, hemm id-dubji dwar il-legalità tal-patt bejn l-UE u t-Turkija li, fost oħrajn, jesiġi biex l-immigranti li ma jikkwalifikawx għall-kenn politiku fil-Greċja jispiċċaw iddeportati lura lejn it-Turkija.

Il-gruppi li jiddefendu d-drittijiet umani jinsistu li t-Turkija mhix pajjiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-immigranti u r-refuġjati.

Intant, uffiċjali Torok wissew li l-ftehim mal-UE jista’ jisfaxxa fix-xejn f’każ li ma jonqsux ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar li ċ-ċittadini tat-Turkija għadhom sallum, suġġetti għalihom.