Internazzjonali

Arrestata ġurnalista Olandiża fit-Turkija

Ġurnalista prominenti Olandiża kienet arrestata mill-Pulizija Torka l-Ħadd, ġimgħa wara li kienet kitbet artiklu f’ġurnal Olandiż fejn ikkritikat il-President Tayyip Erdogan.
Erdogan bħalissa jinsab imdaħħal f’polemika fil-Ġermanja fejn talab li jittieħdu passi legali kontra komiku talli għaddieh biż-żmien waqt programm.
Il-ġurnalista arrestata hi Ebru Umar li hi ta’ nisel Tork u kienet arrestata waqt li kienet għal btala f’ Kusadasi fit-Turkija. Kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Olandiż ikkonferma li Umar kienet sfat arrestata u kienu f’kuntatt magħha.
Il-ġimgħa li għaddiet fil-ġurnal ‘Metro’ kien deher artiklu tagħha fejn ikkritikat diplomatiċi Torok fl-Olanda wara li talbu għat-Torok fil-pajjiż biex jibdew jirrappurtaw lil dawk li jinsulentaw lil Erdogan. Pass li kien kritikat ħafna fl-Olanda fosthom anki mill-Prim Ministru Mark Rutte.
L-awtoritajiet Torok s’issa fetħu aktar minn 1,800 każ kontra nies akkużat li b’mod insulentaw lil Erdogan minn mindu sar President fl-2014.