Internazzjonali

Funeral ta’ $1,600 għal Prince

epa05272989 Fans hung flowers and memorials at Paisley Park, Prince's home and studio, the day after he was found dead in Chanhassen, Minnesota, USA, 22 April, 2016. US singer-songwriter and musician Prince, a multi-talented artist who produced a string of genre-fusing hits in the 1980s, died on 21 April at his residence in Chanhassen, Minnesota. He was 57. EPA/CRAIG LASSIG

Il-kantant popolari Amerikan Prince kellu l-katavru tiegħu kremat f’ċerimonja privata ta’ madwar 1,600 dollaru li kienet organizzata minn oħtu.
Il-funeral sar f’bini madwar pompa tal-petrol tul triq ewlenija fil-periferiji ta’ Minneapolis, il-belt fejn twieled u miet. Ċerimonja li kienet organizzata minn oħtu Tyka Nelson, l-uniku membru tal-familja tiegħu li hi ħajja. Ċerimonja li għaliha attendew ftit nies li kienu qrib tiegħu.
Issa kollox qed jindika li Tyka aktarx tiret il-ġid ta’ Prince li hu stmat madwar 400 miljun dollaru.
Prince, li miet il-Ħamis li għadda fl-età ta’ 57 sena, kien divorzjat darbtejn imma ma kellux tfal. L-uniku wild li kellu kien miet ġimgħa wara t-twelid.
Skont il-liġi ta’ Minnesota, jekk ma għamilx testment fejn jispeċifika xi rid li jsir bil-ġid tiegħu, dan kollu jmur għand il-membri tal-familja u f’dan il-każ Tyka Nelson.
Tyka Nelson, li għandha 55 sena, kienet tbiegħdet minn ħuha u kellha problemi kbar bid-droga, imma Prince kien stinka biex hi tagħmel programm ta’ riabilitazzjoni u issa saret Nisranija devota.
Iżda hemm spekulazzjoni li hu seta’ ħalla xi wirt lill-Jehovah’s Witnesses li magħhom kien issieħeb fl-2001 u li kien jaħdem ħafna għalihom.
Apparti minn hekk hu mifhum li Prince kien jirrekordja ħafna kanzunetti li qatt ma saru pubbliċi u dawn kienu jitqiesu bħala minjiera tad-deheb tul ħajtu u issa iżjed li hu mejjet. Imma Prince kien bniedem riservat ħafna u li kien jobgħod il-kummerċjalizzazzjoni tal-mużika tiegħu.
S’issa m’hemmx ħjiel dwar x’wassal għall-mewt tiegħu. Is-suwiċidju qed ikun eskluż u anki li nqatel. Uffiċjali Amerikani qalu li jridu jgħaddu tal-anqas erba’ ġimgħat sakemm tkun magħrufa l-kawża minħabba t-testijiet li jridu jsiru.