Nhar it-Tnejn li għadda kien diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Dak li nsistiet fuqu l-Oppożizzjoni jirrifletti l-polz tal-poplu fuq l-iskandli li seħħew f’din l-amministrazzjoni? Għaliex?
Il-mozzjoni ta’ nhar it-Tnejn kienet riflessjoni ta’ dak li qed iħossu n-nies u kien għal din ir-raġuni li l-PN jressaqha. Ridna li xi ħadd fil-pajjiż jirrifletti s-sentiment tan-nies, sentiment ta’ rabja, diżgust u indinjazzjoni. Irridu nirriflettu dan is-sentiment għan-nies, iżda anke għad-dinja. Nhar it-Tnejn li għadda, id-dinja kienet qed tħares lejn pajjiżna u tistaqsi jekk f’Malta hawnx xi ħadd li jaħseb li hu ħażin li Ministru ta’ Gvern jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
Fil-Parlament kellna sitwazzjoni fejn irriflettejna għal dak li huwa s-sentiment tan-nies. U kien għal dan ir-raġuni wkoll li wara d-dibattitu fil-Parlament għidt li Joseph Muscat rebaħ ġewwa l-Parlament iżda tilef mal-poplu barra l-Parlament.
Semmejt għajnejn id-dinja fuq Malta. Inti u l-Oppożizzjoni kontu qed tiġu akkużati li qed tagħmlu kruċjata kontra l-pajjiż. X’inhi r-reazzjoni għal min jgħid li l-PN qed jagħmel reklam ħażin għal Malta barra minn xtutna?
Il-media barranija ma tirrappurtax fuq x’qed tagħmel l-Oppożizzjoni. Din tirrapporta kif Malta għandha Gvern maqbud f’dan l-iskandlu. Il-ħsara ma ssirx minn min jitkellem fuq il-ħsara, imma minn min jagħmel il-ħsara. Il-ħsara m’hijiex li titkellem fuq dak li qed jagħmel Konrad Mizzi, iżda li Konrad Mizzi għamel dak li għamel; jiġifieri li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
Għaldaqstant, l-argument tal-Partit Laburista u tal-Gvern, li l-ħsara ġejja mill-Oppożizzjoni, huwa argument fażull għax il-verità hi li l-ħsara qed jagħmilha min fetaħ il-kumpanija sigrieta. Kieku ma nfetħet l-ebda kumpanija sigrieta minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, kieku l-Oppożizzjoni mhux qed titkellem dwar dan l-iskandlu.
X’sinjali qed jirċievi pajjiżna partikolarment minn istituzzjonijiet Ewropej minħabba dan l-iskandlu u x’qed tagħmel int biex twassal il-messaġġ li Malta ma taħtix għall-imġiba tal-Gvern Laburista fil-mod kif qed jitratta dan l-iskandlu?
Il-ħsara hija kbira, anke jekk nieħdu per eżempju s-settur finanzjarju. Aħna qed nappellaw lill-Gvern biex din il-kwistjoni jagħlaqha mingħajr aktar dewmien biex il-ħsara titwaqqaf u ma tibqax sejra b’mod li ssir irreparabbli. Li l-ħsara saret minn Konrad Mizzi, minn Keith Schembri u minn Joseph Muscat li ma ħax azzjoni hu ċar ukoll.
Però rridu nuru li f’Malta m’għandiex biss Gvern mifni bi kriżi ta’ korruzzjoni. Irridu nuru li għandna poplu u Oppożizzjoni li qed tirrappreżenta s-sentiment tal-poplu li qed jgħid li jrid politika nadifa. Allura qed nuru lid-dinja kollha li Malta m’hijiex Joseph Muscat, u jekk Joseph Muscat lest li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni, il-poplu mhux lest li jagħmel hekk.
X’eżempji tista’ tagħti ta’ modi konkreti kif qed issir din il-ħsara?
Jekk nitkellmu dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji, Malta dejjem ħadet linja li tiddefendi dan is-settur li dejjem isib attakki minn pajjiżi oħra li jgħiru għas-sistema tagħna. S’issa irnexxielna nagħmlu dan. Però kif wieħed jista’ jibqa’ jiddefendi dan is-jekk għandna Ministru ewlieni, li huwa wkoll Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama; pajjiż magħruf għall-ħasil tal-flus u għall-ħabi tal-flus maħmuġin li jkunu ġejjin għall-korruzzjoni. Wieħed ma jistax jiddefendi aktar lil pajjiż jekk Ministru ewlieni qed jagħlaq għajnejh għal dawn l-affarijiet u jagħmilhom hu stess. Din tagħti daqqa ta’ ħarta kbira lil settur li konna ilna nibnu għal snin twal.
Dan l-iskandlu jista’ jwassal biex ikun hemm nies li ma jibqgħux iħarsu lejn Malta bħala ċentru finanzjarju serju. U jekk dan iseħħ, allura l-probabbiltà hi li se jiġu anqas investituri. Dan is-settur jimpjega 9,000 ruħ waħdu biss. Iżda jekk wieħed iħares ukoll lejn servizzi oħra marbutin miegħu, nindunaw kif hemm aktar nies involuti. Għaliex għandna npoġġu f’periklu dawn il-ħaddiema kollha?
L-iskandlu qed jolqot ukoll is-settur tar-remote-gaming, li issa żżeffen fl-iskandlu tal-Panama meta ġie żvelat li l-kumpaniji fil-Panama rieduhom għal riċiklaġġ ta’ skart u għar-remote-gaming; żewġ affarijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin.
Fl-aħħar gimgħat rajna sensiela ta’ rejds f’diversi pajjiżi u istituzzjonijiet li jissemmew fil-Panama Papers u kontra individwi li ssemmew f’dawn id-dokumenti. Hawn Malta ma rajna xejn minn dan. L-Oppożizzjoni lesta li tmexxi hi l-każ u titlob uffiċjalment lill-Kap tal-Pulizija f’Malta jinvestiga lil min hu konċernat?
Huwa d-dmir tal-Kummissarju tal-Pulizija li jieħu passi, jiġifieri m’għandux għaliex jistenna lil ħadd jitolbu biex jagħmel investigazzjoni. Dan għaliex il-Pulizija hija fid-dmir li tinvestiga meta jkun hemm informazzjoni disponibbli fil-pubbliku. F’kull tip ta’ reat ieħor, il-Pulizija tkun mistennija li tinvestiga meta jkollha evidenza ċara li tgħid li l-Pulizija għandha minn tal-anqas tibda tinvestiga kif anke sar f’pajjiżi oħra.
Il-fatt li l-Pulizija m’għamlitx dan, anzi, għandna sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija sparixxa mix-xena, turi li f’pajjiżna bħalissa għandna problema oħra lil hinn mill-Panama: l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna m’humiex qed jiffunzjonaw kif suppost. L-istituzzjonijiet huma ġġammjati għax il-Gvern mhux qed iħalliehom joperaw kif wieħed jistenna li joperaw f’demokrazija normali.
L-iskandlu tal-Panama qed jirrifletti ruħu wkoll fl-istituzzjonijiet li mhumiex qed jitħallew joperaw. Fl-istess ħin issib lill-Ministru Evarist Bartolo li spiċċa jattakka liċ-Chairman tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji Joe Bannister, li turi Gvern li mhux biss qed jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni iżda li qed jispiċċa jiġġammja l-istituzzjonijiet pubbliċi.
Il-Prim Ministru ta’ indikazzjonijiet ċari li mhux se jagħti vot ħieles fil-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mid-Deputat Marlene Farrugia kontra Konrad Mizzi. Taħseb li l-Prim Ministru qed ikompli jiddefendi lill-id il-leminija u x-xellugija tiegħu waqt li jgħabbi b’responsabbiltà kollettiva lill-Grupp Parlamentari Laburista?
L-ewwel punt hu li m’hemm l-ebda dubju li bejn l-interess personali u l-interess nazzjonali, il-Prim Ministru qed jagħżel l-interess personali u tal-ħbieb tiegħu. It-tieni, qed naraw sitazzjoni fejn il-ħsara kibret u biex tiġi indirizzata jeħtieġ li tittieħed azzjoni. Iżda sfortunatament il-Prim Ministru mhux qed jieħu dik l-azzjoni tant mistennija. U għalekk li l-kwistjoni m’għadiex biss it-tneħħija ta’ Konrad Mizzi u Keith Shcembri, iżda saret responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru.
Meta l-Prim Ministru qal li mhux se jħalli l-Grupp Parlamentari tiegħu jivvota b’mod liberu peress li din mhijiex kwistjoni ta’ kuxjenza, kien hemm uħud li rrimarkaw li l-vot huwa kwistjoni ta’ kuxjenza. U jien naqbel ma’ min qal hekk, għax l-każ ikun jirrigwardja xi ħaġa li saret minn Ministru b’riħa qawwija ta’ korruzzjoni, allura dik tkun kwistjoni ta’ kuxjenza.
Kollox ma’ kollox dan juri li l-Prim Ministru qed jibża’ jmur għal dan id-dibattitu. Filwaqt li fuq il-mozzjoni dwar l-isfiduċja fil-Gvern, wara ħames minuti kien diġà ħabbar id-data tad-dibattitu, issa għaddiet kważi ġimgħa u l-Gvern għadu ma ħax deċiżjoni dwar meta se jsir id-dibatittu minkejja pressjoni kbira li saret anke mill-Oppożizzjoni.
Nafu li hemm numru ta’ Deputati Laburisti li qalu pubblikament li huma jemmnu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. Jekk dan hux se jsarrfuh f’vot konkret kontra Konrad Mizzi jew le għad irridu naraw, imma hija irresponsabbiltà li issa jridu jerfgħu huma fil-konfront tal-poplu. U dawn il-Ministri u d-Deputati li tkellmu, fil-vot iridu jiddeċiedu bejn dak li tgħidilhom il-kuxjenza u bejn dak li jgħidilhom Joseph Muscat.
Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista x’se jagħmel hekk kif jidher li l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex isir id-dibattitu u jittieħed vot rispettiv?
Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi, li la għad għandu post bħala Ministru, la bħala Membru Parlamentari u lanqas bħala Deputat tal-Partit Laburista. Fi ftit kliem, Konrad Mizzi m’għandux aktar post fil-politika. Se ninsistu li din il-mozzjoni tinġieb għad-diskussjoni u l-vot mill-aktar fiss. Aktar kemm il-Gvern ikaxkar saqajh, aktar issir ħsara lil-pajjiż u għaldaqstant il-Prim Ministru għandu jagħmel dak li għandu jagħmel mingħajr aktar dewmien.
Imma l-Prim Ministru qal kemm-il darba li se jieħu deċiżjoni…
Però evidentament il-Prim Ministru qed jilgħab għaż-żmien biex jipprova jtawwal iż-żmien u jnessi lin-nies biex minflok idawwru l-attenzjoni tagħhom fuq xi ħaġa oħra. Iżda dan mhux se jseħħ, u dan hu l-messaġġ tiegħi lill-Prim Ministru: din il-kwistjoni mhux se tieqaf qabel ma jieħu l-azzjoni li għandu jieħu. U jekk mhux se jieħu azzjoni il-Prim Ministru, se jkun il-poplu li jiġġudikah.
Ma taħsbikx li skont il-kodiċi tal-etika l-ġodda, huwa l-Prim Ministru li juża d-deskrizzjoni tiegħu biex jiddeċiedi x’passi għandhom jittieħdu kontra min mill-Ministri jikser il-kodiċi tal-etika, meta s’issa fl-iskandlu tal-Panama l-Prim Ministru għażel li jiddefendi lill-Ministru Mizzi u liċ-Chief of Staff Schembri?
M’hemmx dubju li r-responsabbiltà hija ta’ Joseph Muscat għax m’għamilx dak li hu mistenni minnu bħala Prim Ministru, jiġifieri li jneħħi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri mill-ewwel. Issa għaddew aktar minn tmien ġimgħat u allura l-mistoqsija li tqum illum mhux biss jekk Joseph Muscat għamilx dmiru ta’ Prim Ministru, imma saħansitra jekk huwiex involut hu stess. Daqsekk gravat is-sitwazzjoni.
Nhar it-Tnejn semmejt li mal-ewwel opportunità se tinvestiga dawk il-kuntratti li l-Gvern ma ppubblikax. Dwar liema kuntratti kont qed tirreferi u xi proċedura se tintuża fl-investigazzjoijiet?
L-ewwel nett irrid li jiġu investigati Konrad Mizzi u Keith Schembri għax dak li għandhom joħloq suspetti ta’ illegalità. Mhuwiex veru dak li qal Joseph Muscat li m’hemm xejn illegali. Huwa ċar li dawn biss biss kisru l-liġi meta ma ddikkjarawx it-trust li għandhom mal-Kummissarju tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Dak li għamlu jqajjem suspetti ta’ ħasil ta’ flus u attentat ta’ ħasil ta’ flus huwa reat kriminali. Jiġifieri hemm biżżejjed elementi biex tittieħed azzjoni u din l-azzjoni jeħtieġ li tittieħed.
Allura rrid li ssir investigazzjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Lil hinn minn dan, qed nitlob li ssir investigazzjoni wkoll fuq l-affarijiet li għamlu f’dawn l-ewwel tlett snin ta’ Gvern Laburista. Għax jekk dawn fetħu kumpanija biex ipoġġu fiha s-senserija, is-senserija fuq xiex ħaduha? Mhux fuq xi ħaġa li għamlu matul dawn it-tliet snin? Is-suspett dak hu.
Infakkar ukoll li minn taħt idejn Konrad Mizzi u Keith Schembri, għaddew l-aktar deċiżjonijiet importanti u l-aktar kuntratti kbar li ffirma l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Għaldaqstant qed nippretendi li jiġu investigati l-kuntratti u d-deċiżjonijiet kollha li għaddew minn idejn Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Jekk Joseph Muscat mhux se jagħmel dan hu, jien qed nimpenja ruħi minn issa li Gvern Nazzjonalista ġdid jagħmel dawn l-investigazzjonijiet hu.
X’inhu l-messaġġ tal-PN li trid twassal lill-poplu fl-isfond ta’ dan kollu?
In-nies xebgħu b’din il-kwistjoni tkarkar f’dan it-tul kollu u jridu li din il-kwistjoni tingħalaq bla aktar dewmien. Biex tingħalaq, iridu jitkeċċew Konrad Mizzi u Keith Schembri u jerfa’ r-responsabbiltà politika Joseph Muscat ukoll. Il-poplu xeba’ b’dan l-iskandlu u jrid li din tingħalaq.
Però aħna lill-poplu rridu nagħtuh tama li l-affarijiet jistgħu isiru differenti fil-pajjiż. U allura l-PN qed joħroġ bi proposti ta’ kif jista’ jnaddaf il-politika f’pajjiżna darba għal dejjem. Din hi l-kawża ġdida li għandu l-PN, li minn dejjem kien l-aktar b’saħħtu meta kellu kawża ċara, direzzjoni u viżjoni ċara quddiemu. Il-kawża ċara tal-PN fl-2016, hija li nnaddfu s-sistema politika darba għal dejjem biex ma jkunx hawn Gvern fil-futur, ikun ġej mil-liema partit ikun, li jaqa’ f’dawn il-livelli baxxi li waqa’ fihom il-Gvern ta’ Joseph Muscat.
//= $special ?>

