Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija se jwarrab

Kif żvelat il-mument fil-jiem li ġejjin mistennija li titħabbar uffiċjalment ir-riżenja ta’ Michael Cassar minn Kummissarju tal-Pulizija – kariga li ilu jokkupa sa minn Diċembru tal-2014.

Michael Cassar inħatar Kummissarju wara li ħa post l-aġent Kummissarju Ray Zammit li kellu jirreżenja wara l-isparatura tax-xufier tal-eks-Ministru Manuel Mallia.

Michael Cassar, li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei minħabba raġunijiet ta’ saħħa, f’dawn il-jiem wera x-xewqa li ma jibqax jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju ta’ Pulizija.

Kien nhar il-Ġimgħa waranofsinhar tal-ġimgħa l-oħra, appena wasal Malta minn Ruma fejn kien għall-btala flimkien mas-Sinjura Cassar, li ddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li għal aktar minn darba ħass uġigħ f’sidru.

Indħil mill-Ministeru ta’ Carmelo Abela

Sorsi qrib l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija qalu lil il-mument li sa minn meta Michael Cassar ingħata l-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, qatt ma kien hemm xi relazzjoni mill-aqwa ma’ Carmelo Abela, il-Ministru responsabbli mill-Pulizija.

L-indħil mill-Ministeru tal-Intern lill-Uffiċċju tal-Kummissarju baqa’ kontinwu u f’diversi livelli. Dan għall-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija kien inaċċettabbli għaliex jew il-Ministru għandu fiduċja fih u jħallih imexxi jew inkella ma għandux fiduċja fih.

Il-Kummissarju ma tħalliex jinvestiga każi serji
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew li l-agħar indħil kien fir-rigward li l-Kummissarju tal-Pulizija saħansitra ma tħalliex jinvestiga każi serji ta’ korruzzjoni tul din il-leġislatura, fosthom il-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri bl-involviment tagħhom bit-twaqqif ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama u trusts sigrieti fi New Zealand; il-każ ta’Gaffarena u Strada Zekka fejn id-Dipartiment tal-Artijiet dam bosta ġimgħat biex beda jkun investigat; il-każ tal-ħruġ ta’ eluf ta’ visa lil Libjani u Alġerini biex setgħu ngħataw ix-Schengen Visa u hekk setgħu jidħlu f’Malta u fl-Ewopra; u bosta każi oħrajn.

Il-kariga ta’ Kummissarju ma tistax titħalla battala

Intant, il-Ministru Carmelo Abela lbieraħ waqt il-programm ‘Għandi xi ngħid’ fuq Radju Malta qal li r-raġunijiet prinċipali jibqgħu dawk marbuta mas-saħħa. il-Ministru Abela rrikonoxxa l-fatt li l-pożizzjoni ta’ Kummissarju hija waħda importanti wisq biex titħalla battala sakemm Michael Cassar jirkupra. Minkejja dan, il-Ministru saħaq, li mhu se ssir l-ebda pressjoni fuq il-Kummissarju biex jitfa’ r-riżenja tiegħu, waqt li spjega kif id-deċiżjoni finali jekk il-Kummissarju jibqax jew le, tibqa biss f’idejn il-Kummissarju.

Mistennija ħatra li biha Kastilja tikkontrolla l-Korp tal-Pulizija

Madankollu, is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li wara li diversi xhur ilu l-Ministeru kien ħatar lill-eks Deputat Kummissarju Andrew Seychell fir-rwol ta’ ‘Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni’, issa jidher li hu imminenti li f’din il-ħatra jkun appuntat xi ħadd tal-fiduċja tal-Ministru u Kastilja biex ikompli jikkontrolla t-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

B’dan kollu fl-isfond, is-sorsi ta’ il-mument fissru li l-Kummissarju tal-Pulizija – ir-raba’ wieħed f’din il-leġiżlatura – ma jidhirx li għadu komdu biex jibqa’ jokkupa din il-kariga. Għaldaqstant jidher li f’dawn il-jiem – anki wara li ddiskuta ma’ nies viċin ħafna tiegħu – li ddeċieda li jirriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Michael Cassar diġà informa lill-Ministru Carmelo Abela b’din l-intenzjoni tant li f’dawn il-jiem il-Ministeru beda jaħdem dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ġdida.