Lokali

Il-Partiti jinsabu ras imb’ras

Minkejja li l-Partit Laburista rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali b’distakk ta’ 36,000 vot, f’temp ta’ tliet snin biss tilef madwar 25,000 vot biex iktar minn qatt qabel fl-aħħar snin il-partiti jinsabu eqreb ta’ xulxin.

Dan joħroġ minn żewġ surveys, wieħed f’The Malta Independent on Sunday u ieħor f’The Malta Today.

Is-survey ta’ The Malta Independent fil-fatt juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti issa hu biss ta’ 3.3%. 32.8% li kieku ssir elezzjoni llum jivvutaw lill-Partit Laburista, u 29.49% li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Juri wkoll li l-iskandli li fnew lill-Gvern ta’ Joseph Muscat qed iwasslu biex fazzjoni tal-poplu tħossha diżappuntata bil-politika tal-Gvern Laburista. Tant hu hekk li 17.3% qalu li kieku ssir elezzjoni lanqas jivvutaw.

Minn naħa l-oħra s-survey tal-Malta Today jiffoka iżjed fuq il-mexxejja, u juri żieda insinifikanti fid-distakk bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Dan hekk kif id-differenza fid-distakk mill-aħħar survey tal-istess gazzetta jinsab fil-margin ta’ żball.

Is-survey tal-Malta Today juri wkoll kif ill-elezzjoni ta’ tliet snin ilu, il-Partit Laburista tilef 8.7%, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied 1% biex ikompli jikkonferma kemm il-partiti jinsabu ras imb’ras.