Lokali

Il-PN qed joffri tama li l-affarjiet jistgħu jsiru b’mod differenti

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri tama li l-affarijiet f’pajjiżna jistgħu jsiru b’mod differenti minn kif qed jagħmilhom il-Gvern Laburista. Qegħdin nagħtu tama ġdida li f’din il-mina ta’ dlam hemm id-dawl – dawl ta’ indafa, u verità. It-tama li qed joffri l-Partit Nazzjonalista hi t-triq it-tajba li se twassal biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jasal u jimxi ‘l quddiem.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema Politika Onesta f’Ħaż-Żebbuġ.

Se nibqgħu ninsistu sakemm insiru nafu ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama

Dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li se nibqgħu ninsistu sakemm insiru nafu ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama. Simon Busuttil staqsa għaliex Joseph Muscat ma staqsiex ta’ min hi t-tielet kumpanija? Hu sostna li dan l-iskandlu huwa kbir għaliex kuntrarju ta’ nies f’pajjiżi oħra, Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama kemm ilhom fil-poter u mhux qabel.

Hu rrefera għall-gideb kontinwu ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi f’dan l-iskandlu, fost l-oħrajn dwar ir-raġuni li taw biex jiftħu dawn il-kumpaniji u l-kont bankarju. Ir-raġuni li ngħatat f’Malta kienet biex jitfgħu proprjetà tal-familja, iżda r-raġuni li taw fl-emails barra minn Malta l-ewwel kienet ta’ senserija, imbagħad biex jirriċklaw il-ħmieġ tal-Indja.

Simon Busuttil rrefera wkoll għall-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri pruvaw jitfħu kontijiet f’disa’ banek differenti. “Min ikun iddisprat biex jiftaħ kont bankarju, sinjal li jkollu l-flus,” qal Simon Busuttil, filwaqt li staqsa fejn huma l-flus. Hu sostna wkoll li skont dak żvelat, biex jinfetħu l-banek, kien hemm bżonn garanzija li fil-kont jidħlu mal-miljun ewro fis-sena – xi ħaġa li wasslet biex ingħatat il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi mressqa mid-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia. Hu rrefera wkoll għall-fatt li għadha ma nfetħet ebda investigazzjoni kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi. Hu qal li skont dak żvelat sa issa, hemm suspetti ta’ ħasil ta’ flus.

13078345_10154161138817386_348551518_o

Il-Gvern qed ikompli jżid il-ħsara lis-settur tas-servizzi finanzjarji

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-ħsara kbira li qed jagħmel l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama lis-settur tas-servizzi finanzjarji. “Dan huwa settur li l-Partit Nazzjonalista kabbru mix-xejn, mibni fuq l-isem u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna,” qal Simon Busuttil. Hu rrefera għall-ħaddiema f’dan is-settur li qed jiġu ffaċċjati b’diversi mistoqsijiet mill-barranin dwar x’inhu jiġri. Hu qal li bosta ħaddiema li tkellmu miegħu jinsabu nkwetati u rrabjati dwar dak li qed jaraw isir, għaliex qed jaraw li x-xogħol tagħhom jiġi mhedded minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-attakk li qed jagħmel il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fuq iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. “Kif jista’ jkollok Ministru tal-Gvern jattakka lill-Gvern stess?” staqsa Simon Busuttil. Hu sostna li dawn it-tip ta’ attakki qed jagħmlu aktar ħsara lis-settur tas-servizzi finanzjarji, liema ħsara qed iħallsu għaliha l-professjonisti u l-ħaddiema kollha f’dan is-settur.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għandu jirriżenja

Simon Busuttil irrefera għal dak żvelat fejn il-Ministru Anton Refalo, aktar minn xahar ilu, ħabat bil-karozza privata tiegħu mingħajr polza tal-assigurazzjoni kif ukoll mingħajr liċenzja. “Anton Refalo ħeba dan l-inċident għal aktar minn xahar sakemm ġie żvelat mill-media,” qal Simon Busuttil, filwaqt li insista li Anton Refalo għandu jirriżenja u jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Minn naħa l-oħra, din il-ġimgħa stess, is-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi tefa’ r-riżenja tiegħu għaliex kien involut f’inċident tat-traffiku u se jittieħdu passi fil-Qorti kontrieh. “Hekk għandhom isiru l-affarijiet. Dan huwa każ li juri d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista,” qal Simon Busuttil.

Ebda attakki jew intimidazzjoni m’huma se jwaqqfu lill-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-attakki ddisprati u kkordinati kontra l-membri tal-Oppożizzjoni minn naħa tal-Partit Laburista. Wara attakki sistematiċi kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, kontra Ann Fenech, u kontra Beppe Fenech Adami, issa l-Partit Labursita fetaħ kampanja ta’ gideb fuq il-Viċi Kap l-ieħor tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco.

Simon Busuttil sostna li trid tkun immorali biex tattakka lil nies bħal Beppe Fenech Adami u Mario de Marco, li l-Partit Laburista jaf li għaddejjin minn żmien diffiċli personali minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Hu sfida lill-Partit Laburista jattakka lilu u mhux lil min għaddej minn żminijiet diffiċli. “Il-Partit Laburista waqqa’ l-politika fl-aktar livell baxx possibbli. Ebda attakki jew intimidazzjoni mhuma se jwaqqfuni jew lill-Partit Nazzjonalista milli nkompli nitkellmu dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni li qed jgħerqu lil dan il-Gvern,” qal Simon Busuttil.