Fil-jiem li għaddew il-kumpanija Gozo Channel daħħlet aktar ħaddiema Għawdxin li fil-parti l-kbira tagħhom huma benjamini tal-Ministru Anton Refalo.
Fosthom hemm persuni li sa ftit ilu biss kienu jservu fil-Korp tal-Pulizija – wieħed minnhom bħala Maġġur. Magħhom hemm diversi oħrajn li ddaħħlu bl-iskema ġdida mnedija mill-Gvern fejn dawn qed jaqilgħu mal-€500 fix-xahar flok joqogħdu jirreġistraw għax-xogħol.
Dan ħareġ fil-gazzetta il-mument li żvelat it-tħassib ta’ bosta kuntratturi għall-mod kif qed jimxi l-Ministeru ta’ Anton Refalo f’dawk li huma kuntratti pubbliċi mogħtija lil kuntratturi u lil kumpaniji lokali biex joffru s-servizzi tagħhom lill-Ministeru.
Is-sorsi rreferew għal manager partikolari f’kumpanija li tipprovdi servizzi tas-sigurtà lill-Ministeru li dan l-aħħar stqarr li jinsab imħasseb u mdejjaq bl-indħil żejjed mis-Segretarjat Privat tal-Ministru għal Għawdex.
Hu rrefera għal każi fejn allegatament il-mara tal-Ministru, Michelina Refalo, tagħmel kuntatt dirett mal-kuntratturi u tagħti direzzjoni lil min għandhom jimpjegaw.
Allegatament il-mara tal-Ministru Anton Refalo tindaħal ukoll dwar lil min jingħata x-xift bil-Ħdud u l-festi kif ukoll f’liema lokalità jew pożizzjoni jintefgħu l-impjegati. “Fejn ma tasalx hi, dlonk tirċievi telefonata mingħand il-Ministru,” tenna dan il-kuntrattur.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li allegatament qabel ma toħroġ offerta għal servizzi simili, terzi diġà jkunu infurmati minn sorsi fil-Ministeru għal Għawdex li javviċinaw lil xi persuni biex immorru fl-uffiċini tal-ETC ħalli jirreġistraw għal tipi ta’ xogħol li jkunu se jiġu mitluba fl-offerta.
//= $special ?>