Lokali

Żvelat parti mill-ftehim sigriet tal-Power Station

Matul is-sajf li għadda l-Gvern Laburista daħal fi ftehim sigriet li għadu jgħodd u li permezz tiegħu kkommetta lil pajjiżna li jixtri l-power station ta’ Dellimara f’każ li l-Kummissjoni Ewropea ma tapprovax il-proġett.

Dan joħroġ minn artiklu fuq The Malta Independent on Sunday li tiżvela kif fis-27 ta’ Lulju, il-Gvern daħal f’dan il-ftehim mal-Electrogas.

Ġie żvelat ukoll li fl-2009, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kien irċieva proposta kważi identika għal dik tal-Electrogas, li kienet tinvolvi wkoll il-ħażna tal-gass abbord vapur biswit il-powerstation, kif ukoll- involviment tal-kumpanija Gasol.

Kien nhar it-Tnejn li għadda, waqt mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern Laburista, li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar din il-proposta li kienet offruta lill-Gvern Nazzjonalista fl-2009.

Fid-dawl li l-proġett tal-powerstation ġdida hu kważi identiku għall-proposta tal-2009, Simon Busuttil iddeskriva is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess f’dan il-proġett kif ukoll il-proċess mirbuħ mill-Electrogas bħala wieħed finta.