Proġett li jwassal is-servizzi tad-drenaġġ mill-qalba tar-Rabat għall-Baħrija li nbeda għaxar xhur ilu, iddeġenera f’sitwazzjoni ta’ tbatija, f’inkonvenjent kbir u bir-residenti fiz-zona li jlaħħqu madwar 1,200 f’500 familja priġunieri fi djarhom u mhux biss, jinsabu f’periklu f’każ ta’ emerġenza u bżonn ta’ ambulanza, jew fire engine.
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg tkellem illejla fil-Parlament dwar l-istat li jinsabu fih dak li sejjaħ bħala priġunieri fi djarhom – 1,200 ruħ, madwar 500 familja, li jgħixu fiz-zona tal-Baħrija, fir-Rabat, Malta minħabba l-proġett ta’ twassil tas-servizzi tad-drenaġġ mill-qalba tar-Rabat għall-Baħrija.
Spjega li l-proġett b’fondi Ewropej miksuba mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, hu milqugħ minn kulħadd, hemm bżonnu, jekk seta’ jsir qabel messu sar, u li jinvolvi tqattigħ sostanzjali ta’ trinek fit-toroq li jwassal ukoll għal inkonvenjent. Fisser iżda, li minn sitwazzjoni ta’ nkonvenjent iddeġenerat għal sitwazzjoni impossibbli, qed ibatu n-nies, in-negozji fil-Baħrija u dawk fil-qalba tar-Rabat.
Ebda mod kif ambulanza setgħet tidħol il-Baħrija
Antoine Borg spjega li qiegħed jitkellem dwar dan wara li tkellem mar-residenti, sidien ta’ negozji, provedituri ta’ trasport għall-iskejjel jew trasport ieħor, u wara li saq hu personalment biex jesperjenza dak li huma għaddejjin minnu l-1,200 ruħ, li saħaq huma “arrestati” fi djarhom.
Semma stejjer ta’ nies li kellhom bżonn ambulanza f’nofs ta’ lejl, u ma kien hemm ebda mod kif din l-ambulanza setgħet tidħol il-Baħrija jekk ma joħorgux ir-residenti biex jiggwidaw lix-xufiera.
Kronoloġija tal-fatti kif seħħew
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg ta kronoloġija ta’ dak li ġie rappurtat fil-media dwar dan il-proġett.
Semma kif f’April 2014, il-Gvern ħabbar li se jiġu allokati flus għal dan il-proġett; u kif fid-9 ta’ Mejju 2015, il-PBS ħabbar li t-triq ewlenija li tagħti għall-Baħrija se tingħalaq għal xogħlijiet, li mistennija jdumu tmien ġimgħat.
Kien spjegat li t-traffic flow għall-Baħrija mhux se jkun affettwat għax se jgħaddi mil-Landrijiet li wkoll kienet imqatta’ biex jgħaddu xi mains. ‘Alternattiva’ li kellhom is-sewwieqa kienet li jgħaddu mill-Imtaħleb, triq fi stat ħażin immens, li wasslet għal ħafna ħsara fil-karozzi.
Fid-9 ta’ Ġunju 2015, timesofmalta.com u l-PBS ħabbru li t-telgħa tal-Baħrija ġiet magħluqa kompletament, u t-traffiku jrid jgħaddi mis-Santi, kif taqbeż il-kamra tan-nar, triq ukoll fi stat ħażin ħafna.
Semma wkoll li x-xogħlijiet fit-telgħa biss tal-Baħrija kienu lesti nhar il-Ġimgha l-Kbira ta’ dis-sena – wara għaxar xhur u mhux tmien ġimgħat wara li nbeda x-xogħol. Wara dan kollu, Transport Malta ħalliet f’idejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għar-resurfacing, u kellu jgħaddi xahar biex ingħatat lagħqa siment.
Irriżulta wkoll li fit-8 ta’ Marzu li għadda, il-WSC ħabbret li t-triq li twassal għall-Baħrija se tkun magħluqa sat-8 ta’ Ġunju 2016 minħabba xogħlijiet konnessi mal-mains fl-istess lokalità, bit-traffiku dieħel lejn il-Landrijiet, Fiddien, Kunċizzjoni u Baħrija se jgħaddi mid-Dwejra, u l-ħruġ se jkun minn Binġemma.
Ġenituri jeħlu fit-traffiku biex iwasslu lil uliedhom l-iskola
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-ġenituri qed jeħlu fit-traffiku fis-6.45am, fit-triq li minn fejn l-iskejjel privati tal-Imġarr tagħti għall-Mosta, u quddiem il-pompa tal-petrol sejjer lejn ta’ Buqana. Oħrajn qed jgħaddu mit-triq imkissra tal-Imtaħleb, u mbagħad għal Ħad-Dingli minn triq dejqa.
Semma każijiet ta’ nies li telqu mill-Baħrija fit-8am u waslu fl-inħawi tal-Gżira u l-Imsida fid-9.30am u l-10am. Oħrajn li telqu bit-tfal għall-iskola fis-6.45am, waslu fit-8.30am. Każ ieħor ġara m’ilux, meta xi ħadd tant infixel fit-tgerfix li hemm, li rriversja u ħabat, u ġġammja t-triq fl-agħar ħin ta’ filgħodu.
Appell biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’serjetà
Quddiem din ir-realtà, Antoine Borg appella lin-nies responsabbli biex jindirizzaw din ir-realtà. In-nies qed jispiċċaw juzaw it-triq tad-Dwejra, li suppost hi one way imma hi l-unika triq asfaltata, u li almenu hemm spazju għal żewg karozzi. Irrimarka wkoll li fis-7 ta’ April li għadda, kien tħabbar ukoll fuq is-sit tal-PBS li t-triq se tkun magħluqa mhux sat-8 ta’ Ġunju, iżda sal-aħħar ta’ Ġunju u hemm min sema’ li se jibqgħu għaddejjin sa Ottubru.
Filwaqt li sostna li dan hu proġett ta’ 16-il xahar biex jitpoġġew żewġ kilometri u nofs ta’ pajpijiet, Antoine Borg sejjaħ dan l-inkonvenjent bħala sitwazzjoni impossibbli li qed jitħallew jgħaddu minna r-residenti tal-Baħrija, u oħrajn li jkollhom bżonn jgħaddu minn u lejn dawn it-toroq.
Ikkritika wkoll it-tip ta’ komunikazzjoni u kif qed tintrefa’ r-responsabbiltà ta’ dan li qed iseħħ meta llum kulħadd jipprova jaħsel idu.
Ftit riżorsi meta għal xhur sħaħ kienu nnutati tliet ħaddiema biss
Semma kif ir-residenti ċemplu l-Kunsill Lokali tar-Rabat, li qalilhom li m’għandux dettalji tal-proġett, u mhux qed ikun ikkonsultat. Meta ċemplu lil Transport Malta qalulhom li mhux responsabbli għad-devjazzjonijiet, u rreferuhom għall-WSC. Meta r-residenti ċemplu lill-WSC qalulhom li huma responsabbli biss għax-xogħlijiet. Madanakollu, il-customer care agent tal-WSC kellha mappa ppreparata minn Transport Malta (li qalu li ma kinux responsabbli għad-devjazzjonijiet) u kellha tibgħatha lil min ċempel u staqsa.
Id-Deputat Nazzjonalista spjega wkoll kif wara li rċivew il-mappa, residenti għamlu għadd ta’ rimarki, fuq il-vijabbiltà tad-devjazzjonijiet, u fuq l-istat tat-toroq. Quddiem it-tweġibiet tal-WSC li r-rotta ġiet aċċettata minn Transport Malta u mhu se jsir ebda titjib jew tibdil, u li lanqas mhu se jsir resurfacing tat-toroq alternattivi, Antoine Borg staqsa jekk dan kollu hux pika.
Ikkritika kif ix-xogħol qed itawwal wisq meta għal ftit kilometri ta’ pajpijiet, ix-xogħol idum sentejn għaliex tpoġġew ftit riżorsi fil-proġett meta għal xhur sħaħ kienu nnutati tliet ħaddiema biss jaħdmu.
Id-Deputat Nazzjonalista sostna wkoll li n-nies mhux biss “arrestati” fil-Baħrija, imma jinsabu f’periklu f’każ ta’ emerġenza u bżonn ta’ ambulanza, jew fire engine.
In-nies tal-Baħrija huma ċittadini tat-tieni klassi?
B’kuntrast ma’ proġetti oħrajn li saru b’urġenza bħalma kien qabel iċ-CHOGM, Antoine Borg staqsa x’għandhom in-nies tal-Baħrija, u jekk humiex ċittadini tat-tieni klassi.
Id-Deputat Nazzjonalista ddikjara wkoll li se jgħaddi personalment transkrizzjoni tad-diskors li kien qed jagħmel fil-Parlament lill-Ministru Joe Mizzi, responsabbli minn Trasport Malta; u lill-Ministru Konrad Mizzi, responsabbli mill-WSC.
Sejjaħ bħala sitwazzjoni inaċċettabli li r-residenti jitħallew jgħaddu minn dak li għaddejjin fil-mument. Ikkritika lill-Gvern li kien xogħlu li jisma’ u jikkonsulta mar-residenti. Kopja tad-diskors se jgħaddiha wkoll lis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, responsabbli mill-Kunsilli Lokali, biex jieħu azzjoni biex ikun hemm l-involviment tal-Kunsill tar-Rabat, u tal-Kumitat Amministrattiv tal-Baħrija.
Proposti mid-Deputat Nazzjonalista
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg ippropona traffic lights temporanji fid-daħla dejqa li hemm fi Triq Għajn Kajjet, fuq it-triq prinċipali, biex jgħaddu l-karozzi in-turns, almenu f’ħinijiet kruċjali u mhux ikollhom jgħaddu mill-Imġarr jew Ħad-Dingli. Ippropona wkoll li jiġu asfaltati t-toroq imsejħa alternattivi; it-Triq tad-Dwejra tinfetaħ two way; u tigi rranġata t-triq ewlenija, partikolarment fl-inħawi viċin negozjant tal-granit, u mhux titħalla fuq il-konkos.
Appella lin-nies kollha involuti, biex jieħdu dan kollu bis-serjetà li hemm bżonn biex verament issir differenza fil-ħajja tan-nies.
Id-Deputat Nazzjonalista wiegħed se jibqa’ jsewgi u jinsisti li jsir dak li hemm bżonn isir biex jiġu indirizzati l-ħtiġiet ta’ dawn in-nies u l-familji.