Lokali Saħħa

Direttiva oħra mill-MUMN li tikkonferma l-problemi fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei

Direttiva li ħarġet il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) tkompli tikxef il-problemi li għad hemm fl-Isptar Mater Dei u l-qerq tal-Gvern Laburista, li ripetutament ftaħar li fl-Isptar m’għadx hemm pazjenti fil-kurituri.

L-MUMN ħarġet id-direttiva lill-membri tagħha li jaħdmu fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei wara li rċievew Ċirkulari, li ħarġet fil-21 ta’ April li għadda, fejn l-infermiera u l-qwiebel kienu ordnati jmorru fil-Kamra Mortwarja biex ilibbsu lill-pazjenti.

Kif iddikjarat fid-direttiva maħruġa mis-Segretarju Ġenerali Colin Galea, l-MUMN temmen li ladarba l-qraba ma jkunux ipprovdew il-ħwejjeġ fi żmien adegwat, ma tibqax responsabbiltà tal-infermiera u l-qwiebel li jlibbsu l-katavru.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUMN ordnat lill-membri tagħha li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo biex taħt l-ebda ċirkostanza, l-ebda infermiera jew qabla li taħdem fis-swali jew fil-kurituri ma tattendi fil-Kamra Mortwarja biex tlibbes lill-pazjenti.

Għalkemm qed tirreferi għal dak li jiġri f’kaz ta’ mewt, din id-direttiva tikkonferma li l-pazjenti fil-kurituri għadhom hemm u ghalhekk il-problema ta’ pazjenti umiljati fil-kurituri għadha teżisti.

(Ritratt: mill-Arkivji)