Editorjal

EDITORJAL: Xahrejn gideb Panamjan ta’ Joseph Muscat

L-iskandlu tal-Panama hu skandlu enormi dinji ta’ korruzzjoni tant professjonali li dawk imdaħħlin fiha madwar id-dinja ħasbu li mhuma se jinqabdu qatt. U meta kellhom l-ewwel ħjiel, xorta ma basrux x’kien se jinkixef u għalhekk gidbu kemm felħu. L-istess dawk involuti f’Malta, immexxijin mill-Prim Ministru nnifsu.

Il-Prim Ministru jisboq lilu nnifsu fil-gideb
Joseph Muscat ilu jigdeb ħafna, miż-żmien meta kien imexxi l-propoganda kontra l-Ewropa, imma fl-aħħar xahrejn sebaq lilu nnifsu fil-gideb. Il-ġimgħa l-oħra żdiedet oħra fil-lista tal-gideb tal-Prim Ministru.

Charges ta’ 1,500 dollaru biex jiftħulhom il-kont
Joseph Muscat kien gideb li Konrad Mizzi fetaħ struttura mill-aktar kumplessa ta’ kumpaniji sigrieti għal xi ħaġa żgħira bħall-kera; illum nafu li ċ-charges biex jiftħulu l-kont sigriet biss għall-kumpaniji sigrieti kienu 1,500 dollaru, aħseb u ara ċ-charges għall-bqija tal-istruttura kollha. Iċ-charges tant għaljin juru li mill-istruttura kollha kellhom jgħaddu flejjes kbar u mhux iċ-ċekk tal-kera, kif gideb il-Prim Ministru.

Gideb kontinwu ta’ Joseph Muscat…
U hemm aktar gideb ta’ Joseph Muscat:
· Il-Prim Ministru gideb li Konrad Mizzi kien se jiddikjara l-kumpaniji sigrieti, imma sħabu t-tnejn lanqas biss iddikjarawhom lill-Kummissarju tat-Taxxi u kisru l-liġi, aħseb u ara kemm kienu se jiddikjarawhom lill-poplu;
· Tant kienet gidba din ta’ Muscat li kienu se jiddikjarawhom, li lil Mossack Fonseca jdejh it-tnejn qalulhom li isimhom ma seta’ jidher imkien;
· Muscat gideb li dak li għamlu jdejh il-leminija u x-xellugija mhux problema, meta għalihom li isimhom jidher tant kien problema kbira li ħbew kemm felħu;
· Il-Prim Ministru gideb li dak li għamlu sħabu kien biex jimmaniġġjaw xi wirt jew xi kera, imma lill-banek qalulhom li se jdaħħlu ‘senseriji’; imbagħad, meta l-banek irrifjutawhom, qalulhom li se jdaħħlu flus mir-‘riċiklaġġ’;
· Il-Prim Ministru gideb meta qal li sħabu ma kellhomx kont tal-bank: lagħabha tal-iblah, għax issa nafu li ppruvaw jiftħu kont sigriet f’disa’ banek;
· Għal Joseph Muscat, li tipprova tiftaħ kont tal-bank sigriet f’disa’ banek f’pajjiżi ta’ segretezza kbira hi “standard enquiry”, mistoqsija normali: gidba;
· Bħall-gidba ta’ Muscat li idu x-xellugija ma poġġiex flus fil-kumpaniji tiegħu, meta issa nafu li jdejh it-tnejn taw l-approvazzjoni biex Mossack Fonseca jiftħulhom kont li fih kienu jafu li kellhom ipoġġu miljun dollaru kull sena;
· Il-Prim Ministru gideb li se jagħmel tax audit meta kulħadd jaf li qatt ma jista’ jsir audit fuq kumpaniji sigrieti u trusts sigrieti u kontijiet tal-bank sigrieti;
· Muscat gideb li dak li għamlu sħabu ma kellux x’jaqsam mal-karigi politiċi li tahom hu meta, mhux talli kellu x’jaqsam, talli llum nafu li dak li għamlu għamluh flimkien, fi struttura waħda, b’kont tal-bank wieħed li taw il-go ahead biex jinfetaħ wara li kienu jafu li kellhom ipoġġu fih miljun dollaru fis-sena.

…il-prova li hu kompliċi
Kieku l-Prim Ministru ma kienx jaf x’qed jagħmlu sħabu f’Kastilja, żgur kien ikeċċihom mill-ewwel. Kieku ma qalulux kollox fil-bidu, kieku żgur kien ikeċċihom wara l-ewwel ftit ġranet hekk kif beda jsir jaf li allura kienu gidbulu. Mela hu loġikament ovvju li Muscat kien jaf x’kienu qed jagħmlu, u għalhekk qatta’ xahrejn jigdeb; gideb Panamjan ta’ Joseph Muscat li juri li hu kompliċi ma’ jdejh il-leminija u x-xellugija.

https://soundcloud.com/editorjal-radio101/xahrejn-gideb-panamjan-ta-joseph-muscat