Il-Ministru Edward Zammit Lewis ma tax il-ġurnata meta l-Prim Ministru se jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, filwaqt li ma jridx jgħid lanqas għaliex Muscat qal li l-kumpaniji sigrieti fil-Panama nfetħu għal skop ta’ ‘family property’.
Barra minhekk, lanqas ma wieġeb liema hi l-kumpanija li qed tagħmel l-‘audit’ ta’ Konrad Mizzi. Minkejja li saritlu domanda wara l-oħra, il-Ministru Zammit Lewis baqa’ ma weġibx, iżda qal biss li d-deċiżjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri se tittieħed fil-jiem li ġejjin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet min-naħa tal-Partit Laburista, li iżda saret fil-bini tal-Parlament, il-Ministru Zammit Lewis baqa’ jaħrab id-domandi u jgħid biss biex inħallu f’idejn il-Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra, hu kompla jattakka lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, filwaqt li tenna li anke meta jkollok l-iċken xamma ta’ suspett li l-affarijiet ma sarux sew, għandek tieħu azzjoni.
Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista:
Minflok jiddeċiedi, Muscat qed jirrepeti l-gideb ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li xahrejn wara li faqqa’ dan l-akbar skandlu ta’ korruzzjoni li qatt eżista, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu jibgħat lill-Ministri tiegħu jindirizzaw konferenzi tal-aħbarijiet biex jgħidu li “l-Prim Ministru se jkun qed jiddeċiedi fil-jiem li ġejjin”.
Il-Partit Nazzjonalista qal li kieku serju, Muscat kien ikeċċi lill-id il-leminija u lill-id ix-xellugija tiegħu malli sar jaf li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, fetħu Trusts fi New Zealand u ppruvaw jiftħu kontijiet bankarji f’disa’ Banek differenti biex ipoġġu fihom madwar miljun dollaru fis-sena. Madankollu, Muscat għażel li jiddefendihom u jirrepeti l-gideb tagħhom, bis-suspetti dejjem jikbru li hu involut u kompliċi magħhom.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li Muscat għadu ma weġibx dwar ta’ min hi t-tielet kumpanija li nfetħet bl-istess metodi u mill-istess kumpanija għal xi ħadd ieħor li l-isem dwarha ngħata fuq Skype.
U dwar dak allegat fuq Mario de Mario, il-Partit Nazzjonalista qal li jidher li l-Ministru Edward Zammit Lewis ma qarax l-ispjegazzjoni fid-dettal, li ta l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u li ġabet fix-xejn il-gidba tal-Partit Laburista.
//= $special ?>

