Lokali Qorti

Id-digriet dwar il-mandat ta’ inibizzjoni dwar il-billboards tal-PN fil-jiem li ġejjin

Billboard tal-Partit Nazzjonalista - Ritratt mill-Arkivji

Il-Qorti mistennija tagħti digriet dwar il-mandat ta’ inibizzjoni mitlub mill-Partit Nazzjonalista kontra l-Avviż Legali maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li jirregola l-użu tal-billboards fil-jiem li ġejjin. Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ħabbret li se tagħti digriet sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Mejju li ġej. Dan wara li ż-żewġ naħat ittrattaw il-każ tagħhom.

L-Avukat Karol Aquilina għan-nom tal-PN qal li qabel ma daħlu fis-seħħ l-Avviż Legali kien hemm regolamenti li kienu jagħmlu linji gwidi u li kienu jeżenztaw lil partiti politiċi u entitajiet oħra għal skopijiet mhux ta’ profitt minn ċertu obbligi. Aquilina fakkar li l-PN ġabar il-billboards wara elezzjoni ġenerali filwaqt li l-Partit Laburista kien baqa’jużahom għal skopijiet kummerċjali u attivitajiet politiċi tiegħu. Hu rrefera wkoll għal mandat ta’ inibizzjoni simili li kien talab il-PL kontra Transport Malta fl-2012 u li kien intlaqa’ mill-Qorti. Il-kawża baqgħet pendenti sa’ Diċembru li għadda sakemm il-PL kien ċedieha minħabba li ntlaħaq ftehim mal-Ministertu tat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta. Mhux magħruf x’kienu t-termini ta’ dan il-ftehim. Fil-bidu ta’ Marzu feġġ l-iskandlu Panama Papers u kien hemm materja politika ta’ interess ġenerali u l-Partit Nazzjonalista tella’ 20 billboard biex jgħaddi messaġġ politiku u jirreklama l-attivitajiet.

L-Avukat Aquilina kompla li fl-Avviż Legali tad-29 ta’ Marzu, ftit jiem biss wara li l-PN uża billboards għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar tliet snin il-partiti u soċjetajiet ma setgħux jagħmlu billboard b’reklami ta’ attivitajiet. B’dan l-avviż legali, partiti u ngo’s ġew fl-istess keffa ta’ soċjetajiet kummerċjali. Fil-każ tal-PN ġiet imposta spiża ta’ permess u liċenzja annwali li jfissru spiża ta’ €70,000 li minnhom, €30,000 huma rikorrenti kull sena. Dan hu piż li l-PN ma jiflaħx għalih. Hu fakkar li l-PN mhux biss hu partit politiku iżda wkoll l-Oppożizzjoni tal-pajjiż u jinkombi fuq il-Gvern li ma jimponix regolamenti li jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-espressjoni tal-Oppożizzjoni.
Hu sostna li l-mandat ta’ inibizzjoni għaliex se titressaq kawża kostituzzjonali sabiex l-Avviż Legali jkun dikjarat null għaliex jikkonstitwixxi xkiel żejjed tad-dritt tal-liberta’ tal-espressjoni.

L-Avukat Jason Azzopardi irrefera għar-risposta ta’ Transport Maltaa li qed tgħid li l-Qorti m’għandhiex dritt li tissindika fuq ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet. Hemm diversi okkażjonijiet li fihom il-Qorti iddikjarat li għandha d-dritt tissendika imposti ta’ ħlasijiet u semma numru ta’ każi b’rabta ma’ tassazzjoni. Hu kompla li l-PN mhux fi stat ta’ illegalita’ għaliex l-Avviż Legali dwar ir-reklami tal-1993 ikopri reklami temporanji ta’ 28 ġurnata għal attivitajiet kulturali, reliġjużi u politiċi. Hu staqsa t-timing tal-Avviż Legali in kwistjoni li ħareġ fid-29 ta’ Marzu, ftit ġranet wara li PN tella billboards wara tliet snin. Jason Azzopardi qal li l-Avviż Legali. ġab il-messaġġ politiku u riklam kummerċjali fuq l-istess livell.

Fit-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat Robert Abela f’isem l-Awtorita’ tal-Ippjanar fakkar li fl-2012 il-Partit Laburista rebaħ mandat ta’ inibizzjoni u baqgħet hemm sa Diċembru 2015. Hu qal li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ma tridx dan l-istat ta’ illegalita’. Hu ċaħad li kien hemm xi intenzjoni ulterjuri fit-timing tal-Avviż Legali għaliex il-prinċipji kienu diskussi fl-2014 bejn iż-żewġ entitajiet. Robert Abela kompla li l-multa ta’ kuljum ma kienitx effettiva fil-konfront ta’ min ma kienx reġistrat mal-Awtorita’ u ma kienitx biżżejjed ta’ deterrent meta mqabbel mal-introjtu minn billboards illegali. Hu qal li mhux veru li l-Partit Nazzjonalista qed ikollu d-dritt tal-espressjoni li qed jiġi attakkat għaliex il-Gvern ukoll kien qed jikser il-provedimenti tal-Avviż Legali l-ġdid. Hemm sitwazzjoni ta’ like with like, kompla Abela. Hu qal li l-Qorti mhux qed tintalab tiddeċiedi jekk l-Avviż Legali jiksirx id-drittijiet fondamentali tal-PN u l-Qorti għandha biss tittratta jekk hux se jintmessu l-20 billboard li għandu l-PN. Hu qal li ebda qorti m’għandha tintalab tissanzjona illegalita’.

L-Avukat Chris Cilia għan-nom ta’ Transport Malta qal li l-Avviż Legali mhux intiż biex jipprojbixxi it-twassil ta’ messaġġ politiku permezz ta’ billboards imma sabiex jirregola billboards. Fir-risposta tiegħu għall-mandat, Cilia rrefera għall-funzjoni regolatorja ta’ TM li tirregola dak li jiġri fi triq u dan għandu element ta’ ħlas. Utenti oħrajn ta’ toroq, bħal sewwieqa qed iħallsu. Kompla li l-Avviż Legali ma jħares lejn wiċċ ħadd u japplika b’mod universali għal min irid juża t-triq. Hu staqsa għaliex il-billboards għandhom ikunu mingħajr ħlas.

Iktar kmieni xehdet is-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake li qalet li l-PN għandu 20 billboard madwar Malta u Għawdex. Il-billboards kienu b’messaġġ politiku iżda kienu qed jirreklamaw ukoll attivitajiet politiċi, fosthom il-protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni tas-6 ta’ Marzu u d-dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni tal-10 ta’ April. Hi kkonfermat li matul din il-leġislatura il-PN kien ġabar u neħħa billboards li uża waqt il-kampanja elettorali li għaddiet u ma reġax uża billboards ħlief sa ftit tal-ġimgħat ilu. Hi qalet li l-ispiża li se tkun imposta mill-Avviż Legali hi ta’ €71,800, li minnhom €41,800 huma applikazzjoni ta’ żvilupp mal-Awtorita’ tal-Ippjanar u €30,000 oħra huma ħlas lil Transport Malta. Dawn tal-aħħar huma spiża annwali u l-PN qed joġġezzjona għat-€30,000 fis-sena għaliex l-ispiża hi waħda projbittiva u tikkostitwixxi attentat mill-entitajiet tal-Gvern biex jagħlqu ħalq l-Oppożizzjoni. Waqt il-kontroeżami, Rosette Thake qalet li ma kienx hemm applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp mal-MEPA sabiex isiru dawn il-billboards.