Lokali Parlament

Il-Ministru Vella jimxi fuq l-appell tal-Oppożizzjoni u jelenka l-punti ewlenin minflok ma jaqra risposti twal fil-ħin tal-mistoqsijiet

Wara l-appell tal-Oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet biex ma jinħeliex ħin f’qari ta’ risposti twal ħafna għal mistoqsijiet parlamentari li jsiru lill-Ministri tal-Gvern, il-Ministru George Vella rrimarka llejla fil-Parlament, li hu nnota dak li kien diskuss dwar il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari u ddikjara li kien se jelenka l-punti ewlenin tar-risposti parlamentari li kienu wkoll twal u li għażel li ma jaqrahomx.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin talab ukoll lill-President tal-Kamra biex ikun jista’ jagħmel dan, bil-President tal-Kamra Anġlu Farrugia jwieġeb li dan hu permess u jista’ jagħmel dan skont ir-regolamenti tal-Kamra.

Fl-aħħar seduta tal-ġimgħa l-oħra, nhar l-Erbgħa li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius talbu lill-membri tal-Gvern għas-sens komun fil-Kamra biex risposti twal li wieġeb il-Ministru George Vella għal mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis jittieħdu bħala moqrija u ma jinħeliex ħin li jinqraw. Dan meta mistoqsijiet supplimentari dwarhom lanqas ma setgħu jitwieġbu mill-Ministru Vella minħabba ma kienx fil-Parlament għaliex kien imsiefer fuq xogħol tal-Gvern.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru Joe Mizzi kien qiegħed iwieġeb fil-Parlament f’isem il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, meta rreżista għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jirbaħ is-sens komun fil-Kamra. Kien biss wara li għaddew 10 minuti fis-seduta tal-ġimgħa li għaddiet li rebaħ is-sens komun, u r-risposti twal ma nqrawx, bl-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari jintuża bl-aħjar mod u ma jkunx hemm ħela ta’ ħin.

Fis-seduta tal-lejla, il-mistoqsijiet parlamentari li kien qiegħed iwieġeb għalihom il-Ministru George Vella wkoll kienu tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis b’rabta mar-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja.

Il-Ministru George Vella qal ukoll li l-Ministeru tiegħu qiegħed iħejji għal żjara uffiċjali fir-Russja flimkien mal-Prim Ministru.
Dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja, il-Ministru Vella qal li hemm djalogu u koperazzjoni kontinwu fuq diversi oqsma li mhux milquta mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, u li Malta tosserva.

Għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, il-Ministru Vella tkellem dwar l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja u kif il-Gvern Malti qiegħed jappoġġja lit-tmexxija tal-Kunsill Presidenzjali li qiegħed jieħu l-kontroll tal-awtoritajiet fi Tripli hekk kif qed jistenna wkoll ir-rikonoxximent uffiċjali tal-Parlament f’Tobruk.

Iddikjara wkoll li l-Gvern Malti qed jagħti l-appoġġ lil dan il-gvern biex iġib is-sigurtà u l-prosperità fil-Libja.