Lokali Saħħa

Il-PN japprezza ħidmet il-professjonisti kollha fil-qasam tas-Saħħa

Fid-dawl tal-aħbar li l-Ħożba u r-Rubella ġew eliminati minn Malta, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista rringrazzja u faħħar lit-tobba, lix-xjentisti, lill-infermiera u lill-professjonisti l-oħrajn fil-qasam mediku u li jispeċjalizzaw fit-tilqim f’pajjiżna.

Fl-istqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-aħbar żgur li ma kinitx tkun possibbli mingħajr il-ħidma b’tant dedikazzjoni minn dawn l-individwi u li ilha għaddejja għexieren ta’ snin. Din il-ħidma kienet kruċjali biex fl-2012 jiġi eliminat il-Polio minn pajjiżna.

Bla dubju li din hi aħbar pożittiva għall-poplu Malti u Għawdxi, sostna l-Partit Nazzjonalista, li qal li fl-istess waqt, isostna l-appell lil kulmin hu obbligat li jieħu t-tilqim kontra dan it-tip ta’ mard li jittieħed, biex jibqa’ jagħmel dan.