Lokali

Imfakkra s-suldati li mietu f’pajjiżna minħabba l-battalja ta’ Gallipoli

Dalgħodu saret iċ-ċerimonja biex jitfakkru s-suldati li tilfu ħajjithom waqt il-battalja ta’ Gallipoli (Gallipoli Campaign) waqt l-Ewwel Gwerra Dinija.

Fil-25 ta’ April 1915, ġurnata magħrufa bħala Anzac Day, suldati Awstraljani u oħrajn minn New Zealand kienu parti minn espedizzjoni tal-alleati fil-penisola ta’ Gallipoli. L-objettiv ewlieni ta’ dik l-espedizzjoni kien li jieħdu kontroll ta’ Kostantinopli, li llum nafuha bħala Istanbul, fit-Turkija.

L-involviment ta’ Malta f’din il-kommemorazzjoni jidħol hekk kif uħud mis-suldati li kellhom bżonn għajnuna medika immedjata kienu nġiebu f’pajjiżna. Għalhekk Malta baqgħet magħrufa bħala “The Nursemaid of the Mediterranean”.

Minkejja l-isforzi mediċi li saru, kien hemm ammont ta’ suldati li kawża tal-feriti li ġarrbu tul il-battalji, mietu u ndifnu f’pajjiżna, fiċ-Ċimiterju militari f’Tal-Pietà, fejn illum saret iċ-ċerimonja ta’ kommemorazzjoni.

B’kollox, mietu u ndifnu f’pajjiżna 202 membru tal-Australian Imperial Force u 72 membru tan-New Zealand Expeditionary Force. Matul iċ-ċerimonja, tpoġġew kuruni tal-fjuri quddiem il-Monument iddedikat għal dawn is-suldati.

Għal din iċ-ċerimonja attendew diversi awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom l-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġorġ Vella, diversi Ambaxxaturi u mistiedna oħra distinti.