Malti u Libjan, bdew għaddejjin ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima, fejn jinsabu akkużati b’importazzjoni ta’ 20 kilogramma u nofs reżina tal-kannabis, li kellha valur komplessiv ta’ €124,431.
Il-każ seħħ f’Ġunju ta’ sitt snin ilu.
Iż-żewġ akkużati, Godfrey Gambin ta’ 40 sena mill-Iklin u Adel Mohammed Babani ta’ 51 sena, imwieled il-Libja u joqgħod il-Mosta, li qed jiġu akkużati bi tliet kapi ta’ akkuża, li huma assoċjazzjoni, importazzjoni u li kellhom fil-pussess tagħhom l-imsemmija droga li nstabet f’ċirkostanzi mhux għall-użu esklussiv tagħhom.
Min-naħa tiegħu, Gambin qed jiġi akkużat b’pussess sempliċi ta’ kannabis grass u ta’ reżina tal-kannabis, u dan hekk kif wara li ngħata t-twissija, iddikjara li hu ġieli pejjep joints tal-kannabis.
Skont l-att tal-akkuża, u anke ta’ dak li qalet l-Avukat Prosekutur min-naħa tal-Avukat Ġenerali Giannella Busuttil, jirriżulta li bejn id-29 u t-30 ta’ Ġunju tas-sena 2010, l-akkużati Gambin u Babani iddeċidew li allegatament jibdew imexxu u jittraffikaw fid-droga kannabis.
Jirriżulta li ż-żewġ akkużati kienu ftehmu ma’ persuna oħra barra minn Malta li kellha tgħaddilhom l-imsemmija droga biex imbagħad l-akkużati jimportawha u jikkonsenjawha lill-persuni oħrajn f’Malta.
Il-persuna li kienu ltaqgħu magħha ż-żewġ akkużati biex imwettqu l-allegat reat hija Nabil Ibrahim Slaeh, li kien beda għaddej proċeduri maż-żewġ akkużati fuq dan il-każ, li iżda eventwalment ħarab minn pajjiżna.
Jirriżulta li Saleh wasal ix-Xemxija permezz ta’ speedboat, allegatament b’mod klandestin, fuq dgħajsa fil-ħinijiet bikrin tat-30 ta’ Ġunju tas-sena 2010. Huwa kellu fil-pussess tiegħu d-droga nkwistjoni.
Hekk kif niżel l-art, Saleh rikeb f’karozza tat-tip Hyundai Tucson flimkien mal-akkkużat Godfrey Gambin, li filfatt li huwa l-proprjetarju ta’ din il-vettura. Dan filwaqt li Abel Mohammed Babani rikeb Peugeot 106 u li saq għal quddiemhom.
Eventwalment, l-iskwadra tal-Korp tal-Pulizija waqqfet liż-żewġ vetturi. Fejn il-vettura ta’ Gambin, instabu żewġ basktijiet li kien fihom diversi blokkok imdaqqsin suspettati li kienu reżina tal-kannabis.
Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li allegatament il-basktijiet li kien fihom id-droga intremew mill-vettura Hyundai Tucson fejn kien hemm Gambin u Saleh. Dan seħħ malli l-akkużati allegatament, innutaw li kienu ġew interċettati mill-Pulizija fil-kors ta’ din l-operazzjoni.
Mill-analiżi u eżamijiet li saru minn esperti forensiċi ġie kkonfermat li s-sustanza li nstabet fil-pussess tal-akkużati kienet tikkonsisti minn 78 blokka magħmula mnn droga reżina kannabis, bl-ammont globali jkun ta’ 19-il kilo u nofs. Id-droga kellha purità ta’ 9.2%, filwaqt li l-valur totali tagħha fit-triq kien ta’ €124,431.
Flimkien mal-Avukat Busuttil, il-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali qed titmexxa minn l-Avukat Nadia Attard. Għal Gambin qed jidhru l-Avukati Alfred Abela, Mario Mifsud, u Franco Debono, filwaqt li l-Avukat Malcolm Mifsud qed jidher għal Babani.
Il-ġuri jkompli waranofsinhar
//= $special ?>
