Lokali Qorti

“Kien ordna li jitqattgħu il-kuntratti” – impjegati ta’ MrClean

Joseph Degiorgio, direttur tal-kumpanija tat-tindif MrClean, kien ordna sabiex jitqattgħu il-kuntratti ta’ ħaddiema Filippini. Dan ħareġ minn xhieda ta’ numru ta’ impjegati u eks impjegati Filippini fil-każ kontra Joseph Degiorgio ta’ 71 sena minn Ħal Balzan u wliedu Paul Degiorgio ta’ 47 sena minn Ħal-Lija, Christopher Degiorgio ta’ 42 sena min-Naxxar u Josianne Bugeja Degiorgio ta’ 34 sena minn Ħal Balzan li fih qed jinsabu akkużati fost oħrajn bi traffikar ta’ persuni. Il-Każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera

Xehdet Sheila Isaac, illum impjegata mal-kumpanija Maltese Falcon recruitment services li hi wkoll propjeta’ tal-akkużati u li tipproċessa l-applikazzjonijiet li ġejjin minn barra l-pajjiż. Hi qalet li meta l-ħaddiema prospettivi jmorru fl-aġenziji fil-Filippini, u huma kien jiffirmaw dikjarazzjoni li fiha huma jafu li l-kundizzjonijiet f’Malta se jkunu differenti minn dawk li hemm fil-kuntratt li ffirmaw fil-Filippini. Hi qalet li malli l-ħaddiema jaslu Malta, Joseph Degiorgio kien jagħti struzzjonijiet sabiex tqatta’ l-kuntratti li kienu ffirmati fil-Filippini. Hi qalet li kellha struzzjonijiet biex tqatta’ l-kuntratti biss iżda mhux id-dikjarazzjoni. Waqt kontroeżami, Sheila Isaac ikkonfermat li Josianne Bugeja Degiorgio m’għandha x’taqsam xejn mar-reklutaġġ tal-ħaddiema kif ukoll li Joseph Degiorgio biss hu nvolut fir-reklutaġġ. Hi qalet li normalment, Degiorgio jittratta lil ħaddiema sew iżda meta ġieli kien jirrabbja, kien jhedded lill-ħaddiema li se jiddeportahom.

Eileen Esteban, Human Resources Manager mal-kumpanija Maltese Falcon recruitment services, fix-xhieda tagħha qalet li l-ġimgħa li għaddiet, ingħatat struzzjonijiet sabiex jinqerdu l-kuntratti li kienu ffirmati mill-Filippini.

Frances Magbanwar, skrivana ma’ MrClean, qalet li hi ma kienitx taf dwar it-tqattigħ tal-kuntratti. Hi qalet li meta ċertu impjegati jaqbżu l-40 siegħa fil-ġimgħa, huma kienu jitħallsu bi flus kontanti maħruġa minn JD Contractors, kumpanija oħra propjeta’ tal-akkużati.

Xehdet ukoll Maria Rio Alger, li kienet taħdem bħala fattiga ma’ MrClean, li esibiet il-kuntratt li kienet iffirmat qabel ma ħalliet il-Filippini. Fost oħrajn, dan il-kuntratt kellu klawżoli li fihom kien jingħad li se tingħata akkommodazzjoni mingħajr ħlas, allowance ta’ €100 fix-xahar għall-ikel u 30 siegħa leave. Hi qalet li ma ffirmat ebda dikjarazzjoni meta kienet għadha fil-Filippini u ma kellha ebda indikazzjoni li l-kuntratt mhux se jkun onorat. Alger irrakkontat li meta waslet Malta hi ntlaqgħet minn xufier mibgħut minn Degiorgio u twasslet f’villa f’Tal-Virtu’ fir-Rabat. Meta waslet Malta hi ntalbet biex tagħti d-dokumentazzjoni tagħha u ntalbet tiffirma kuntratt ieħor. Alger qalet li rat ukoll il-kuntratt oriġinali tagħha mqatta’ fil-basket tal-iskart. Wara l-ewwel xahar f’Tal-Virtu, hi kellha tħallas €100 għall-akkomodazzjoni. F’dak l-ewwel xahar hi qalet li ngħataw nofs borża ross u mbagħad ma ngħatatx iktar ikel. Alger qalet li hi bdiet taħdem fl-iskola Maria Regina fin-Naxxar mit-8a.m. sat-8p.m. u meta taqbeż is-siegħat, hi kienet tingħata żewġ payslips – waħda minn MrClean u l-oħra mingħand JD Contractors. Waqt il-kontroeżami, Maria Rio Alger ċaħdet li wriet ix-xewqa li tmur Pariġi u li għandha familjari hemmhekk.

Fi tmiem ix-xhieda, il-Qorti laqgħet it-talba għall-liberta’ proviżorja tal-akkużati. Joseph Degiorgio, Paul Degiorgio u Christopher Degiorgio ngħataw il-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000 filwaqt li Josianne Bugeja Degiorgio ingħatat il-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużati twasslu l-awla mill-iskorta tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin kważi tliet kwarti tard. Il-Qorti kkundannat l-aġir tad-Direttur tal-Ħabs talli ma pprovdiex skorta fil-ħin propizju ordnat mill-Qorti. Il-Maġistrat ordnat ukoll li d-Direttur tal-Ħabs jidher quddiem il-Qorti fis-seduta li jmiss sabiex jispjega għemilu. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tal-verbal ikun komunikat lill-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Intern.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Buttigieg u John Spiteri. L-Avukat Joe Giglio qed jidher għal Josianne Bugeja Degiorgio filwaqt li l-Avukati Amadeus Cachia, Marion Camilleri u Franco Debono qed jidhru għal Joseph Degiorgio u wliedu s-subien Paul u Christopher Degiorgio. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Anna Maria Bisazza qed jidhru parte civile.