Carmel Camilleri, li kien jokkupa l-kariga ta’ Direttur Estate Management fid-Dipartiment tal-Artijiet, qal li hu kien konvint li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ried li ssir l-esproprjazzjoni fi Triq Zekka. Hu qal ukoll li l-proċess kien kundizzjonat minn pressjoni kontinwa li kienet ġejja minn Clint Scerri li fil-parti l-kbira kien ikollu preżenti miegħu lil Marco Gaffarena.
Carmel Camilleri qal dan meta kien qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi wara affidavit li hu kien bagħat lill-Awditur Ġenerali wara li kien ippubblikat ir-rapport dwar l-esproprjazzjoni.
F’dak ir-rapport saret kundanna għall-mod kif saret l-esproprjazzjoni msemmija u fih l-Awditur Ġenerali kkonkluda li kien hemm kollużjoni bejn Marco Gaffarena, is-Segretarju Parlamentari, id-Direttur Ġenerali u d-Direttur Estate Management.
Camilleri, li ngħata l-ġurament fil-bidu tas-seduta, qal li hu ħass li kellu jagħmel l-affidavit wara li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali ġew attribwiti fatti lilu li hu fil-fatt ma kienx wettaq.
Għalih it-talbiet li kienu jiġu mingħand Clint Scerri kienu ġejjin mill-Ministeru
Camilleri qal li meta kien investigat mill-Awditur Ġenerali, ma kienx qal ċerti affarijiet peress li Clint Scerri kien insista miegħu biex ma jgħidx li hu (Scerri) kien qed jagħmillu pressjoni ħalli jitħaffu l-affarijiet.
Camilleri żied li Clint Scerri kien ippreżentat lid-diretturi u l-uffiċjali tad-Dipartiment bħala l-liason officer bejn id-Dipartiment u l-Ministeru. Ix-xhud qal li hu fehem li t-talbiet li kienu jiġu mingħand Clint Scerri, għalih kienu ġejjin mill-Ministeru.
Fuq il-każ ta’ Triq Zekka l-pressjoni kienet akbar
Camilleri żied li Scerri kien jinsisti fuq ħafna talbiet li kienu jsiru. Dwar il-każ ta’ Triq Zekka kien hemm pressjoni akbar u kemm-il darba Scerri kien jidher quddiemu fil-preżenza ta’ Marco Gaffarena u kien jinsisti miegħu biex imexxi l-affarijiet mingħajr dewmien.
Camilleri qal li dwar dan il-każ kien mar quddiemu ma’ Gaffarena u qallu li kien bagħtu Michael Falzon. Miegħu kellu l-file tal-lands u ra wkoll li kien hemm talba ta’ Gaffarena biex ipartat kwart ta’ proprjetà fi Triq Zekka. Kien ra wkoll ittra li turi li s-sidien l-oħra tal-proprjetà riedu li l-Gvern ma jkomplix juża parti mill-istess proprjetà. Ħaseb li jekk il-Gvern jakkwista l-kwart ta’ Gaffarena, kien ikun aktar diffiċli biex is-sidien l-oħra jżommu lill-Gvern milli jitlaq il-proprjetà.
Camilleri qal li talbiet simili għal esproprjazzjoni, normalment isiru fuq talba ta’ Ministru tal-Kabinett. Sa fejn jaf hu qatt ma saret talba simili mill-Ministru responsabbli mill-Artijiet għalkemm m’hemm xejn li jeskludi li dan isir.
Pressjoni kontinwa minn Clint Scerri
Ix-xhud qal li dwar dan il-każ kienet issirlu pressjoni kontinwa minn Scerri u kien iħoss li l-affarijiet kienu qed isiru b’għaġla. Sostna li Clint Scerri kien għamel pressjoni wkoll meta saret il-valutazzjoni tal-artijiet li ntgħażlu biex isir it-tpartit. Dawn l-artijiet kienu jinkludu tlieta li Gaffarena kellu bi qbiela, art oħra li kienet għand zijuh illegalment kif ukoll proprjetà oħra f’Tas-Sliema li kienet tiġi fuq ħanut tal-istess Gaffarena.
Camilleri qal li biex jitħaffef il-proċess, kemm Clint Scerri kif ukoll Gaffarena kienu jinsistu mal-periti ħalli jagħmlu l-valutazzjoni tal-proprjetà magħżula għat-tpartit.
Wara li saru l-valutazzjoni mill-periti, Camilleri qal li dawn kienu jaqgħu fil-limitu tar-regoli stabbiliti u għalhekk b’nota kien indika l-fatti lis-Segretarju Parlamentari u talbu direzzjoni.
Mitlub diversi drabi mill-membri tal-Kumitat biex jispjega jekk l-aħħar nota tiegħu kinitx rakkomandazzjoni lis-Segretarju Parlamentari biex japprova l-esproprjazzjoni jew kienx talab direzzjoni, Camilleri qal li hu talab biss direzzjoni.
Minħabba l-pressjoni kontinwa mill-ewwel ħass li kienet se ssir froġa
Camilleri qal li minħabba l-pressjoni kontinwa li kienet qed issirlu dwar dan il-każ mill-ewwel ħass li kienet se ssir froġa. Hu qal li ma ġitux f’rasu li jitlob il-parir tal-Avukat Ġenerali proprju minħabba l-fatt li kien qed jiġi ppressat biex iħaffef il-proċess.
Uffiċjal tal-NAO li investiga l-każ qal li fatt gravi f’dan il-każ hu li Gaffarena kien sar jaf bil-valutazzjoni tal-proprjetà li kellha tingħata bi tpartit minn qabel. Informazzjoni bħal din hi kunfidenzjali u ma kellhiex tkun f’idejn Gaffarena qabel ma ssir il-proklama tal-President.
Camilleri qal li ma kienx hu li għarraf lil Gaffarena bil-valur. Sostna wkoll li Clint Scerri kien jafha.
Dwar dan il-każ għandu jixhed ukoll l-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li wkoll ippreżenta affidavit lill-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Ix-xiehda tiegħu għandha tingħata nhar it-Tnejn.