Lokali

L-ebda irregolarità mix-xufier ta’ Simon Busuttil

Ħames xhur wara li nfetħet investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż mill-fuel tal-karozza uffiċjali tal-Kap tal-Opożizzjoni, ix-xufier Toni Tabone ġie ddikjarat innoċenti u meħlus minn kull dubju kontrih.

Ħabbar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, hekk kif ġie nfurmat li ġiet fi tmiemha Inkjesta li bdiet f’Diċembru li għadda u li matulha ma nstabet l-ebda irregolarità.

Malli nfetħet l-Inkjesta, il-Kap tal-Oppożizzjoni ssospenda immedjatament lix-xufier tiegħu biex ikun jista’ jiddefendi ruħu bl-aktar mod liberu. Illum din is-sospensjoni ġiet fi tmiemha, wara ħames xhur, li fi kliem Simon Busuttil kienu diffiċli ħafna għall-Familja Tabone.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil qal li dan il-każ juri d-differenza kbira fl-istandards taż-żewġ partiti – fuq naħa l-Partit Nazzjonalista, bix-xufier jiġi sospiż immedjatament fuq allegazzjonijiet, u n-naħa l-oħra kif il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu lanqas biss issospenda lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri fuq materja ferm u ferm aktar gravi, aħseb u ara kemm keċċihom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif malli ħarġet l-aħbar tal-investigazzjoni, il-Partit Laburista kien ħareġ stqarrija li fiha qal li Simon Busuttil inqabad f’każ serju ta’ frodi ta’ fondi pubbliċi.

Madankollu, il-fatti juru mod ieħor u għalhekk, issa jistenna li l-Ispeaker jara min kien wara dan ir-rapport bla bażi u jerfa’ r-refsponsabbiltà politika, filwaqt li jistenna li tintalab skuża lil min spiċċa fiċ-ċentru ta’ kruċjata minkejja li kien innoċenti.