Waqt iż-żjara fil-Ġermanja, il-President Barack Obama għamel apell imqanqal favur l-għaqda tal-Ewropa u ħeġġeġ biex l-Ewropej qatt ma jinsew il-valur ta’ din l-għaqda u l-istabbiltà, il-ġid u l-paċi li sarrfet.
Hu qal dan waqt diskors f’Hanover, fejn imbagħad kellu laqgħa mal-Kanċillier Angela Merkel kif ukoll mal-President Franċiż Francois Hollande, kif ukoll mal-Prim Ministru Ingliż David Cameron u dak Taljan Matteo Renzi.
Filwaqt li wissa kontra x-xettiċiżmu u l-populiżmu ta’ bħalissa fl-Unjoni Ewropea, Obama ħeġġeġ ’l-Ewropej biex jirrealizzaw x’inkiseb bl-għaqda Ewropea. Hu qal li dawn kienu żminijiet importanti għall-Ewropa u dak li jiġri fl-Ewropa jkollu konsegwenzi madwar id-dinja.
Il-President Amerikan qal li jekk l-Ewropa tibda tiddubita minnha nfisha, wieħed ma jistax jistenna li l-progress li nkiseb madwar id-dinja jkompli.
Obama żied li l-Istati Uniti u l-kumplament tad-dinja kellhom bżonn Ewropa maqgħuda, demokratika u b’saħħitha.
Obama qal li jekk tonqos is-solidarjetà, jgħollu rashom l-intolleranza u t-tribaliżmu.
Filwaqt li ilmenta li xi kultant l-Ewropa ma tantx ħadet is-sigurtà tagħha bis-serjetà, qal li kull pajjiż membru tan-NATO irid ikun qed iġorr il-piż tiegħu.
Dan id-diskors, Obama għamlu wara li xi ġranet ilu kien ir-Renju Unit u għamel appell biex ir-Gran Britannja ma toħroġx mill-Unjoni Ewropea u biex il-poplu Ingliż iwarrab iċ-ċiniżmu u l-pessimiżmu.
Obama b’appell favur l-għaqda Ewropea
