Lokali

App li turik kemm fadlilha ta’ tal-linja

Dawk li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku issa jistgħu jaċċessaw numru ta’ servizzi relatati mal-vjaġġ tagħhom sa mill-mobile jew tablet tagħhom.

Dan hekk kif ġiet imnedija l-app il-ġdida tallinja, li permezz tagħha l-klijenti jistgħu jaraw il-bilanċ li għandhom fuq tallinja card, aġġornat kull nofs siegħa, jagħmlu top up tal-bilanċ kif ukol jaraw lista ta’ tranżazzjonijiet u vjaġġi li għamlu.

Minbarra dan, issa hu possibbli wkoll li wieħed iżomm il-waqfiet tallinja li l-iktar juża, kif ukoll jippjana l-vjaġġ tiegħu b’sistema’ ta’ GPS li turi wkoll l-isem tal-waqfiet u kumbinazzjonijiet ta’ rotot li wieħed jista’ jaqbad.

Funzjoni oħra li toffri din l-app hi li wieħed jista’ jara b’ħin reali kemm fadlilhom biex jaslu l-karozzi tal-linja li jieqfu fuq bus stop partikolari, biex b’hekk l-utenti jistgħu jippjanaw aħjar il-vjaġġ tagħhom.

Dettalji dwar din l-app ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matula ngħataw dettalji wkoll dwar l-ammont ta’ persuni li jużaw it-trasport pubbliku, biċ-ċifri juru li nofs il-popolazzjoni għandha tallinja card, u fuq 100,000 konsumatur juża din il-kard kull xahar.

L-app tista’ titniżżel b’xejn kemm mill-App Store kif ukoll mill-Google Store.