Il-Gvern u l-kumpanija Ablecare Oilfield Services Holdings ikkonkludew taħditiet biex dak li kien is-sit tal-Marsa Shipbuilding jiġi żviluppat f’hub marittimu b’investiment ta’ €55 miljun.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ħabbar il-konklużjoni tan-negozjati mal-preferred bidder għall-iżvilupp ta’ dan iċ-Ċentru Marittimu waqt attività li saret fil-post stess, qal li dan il-proġett se joħloq mill-inqas 150 impjieg fit-18-il xahar li ġejjin.
Il-hub marittimu, bl-isem ‘Mediterranean Maritime Hub’, se jkun jinkludi fost oħrajn ċentru għas-servicing tal-oil rigs kif ukoll akkademja għat-taħriġ u t-tagħlim.
Is-sit tal-Malta Shipbuilding ilu abbandunat għal ħafna snin u l-PM qal li t-tama tal-Gvern hi li dan il-proġett jerġa’ jqajjem snajja’ li ilhom nieqsa fl-ekonomija Maltija.
Steven Colville, CEO tal-‘Mediterranean Maritime Hub’, qal li din hija opportunità kbira għal Malta biex tistabbilixxi ruħha bħala bażi ewlenija ta’ appoġġ għall-industrija taż-żejt u l-gass fil-Mediterran u lil hinn minnu.
Ablecare Oilfield Services Holdings kienet tħabbret bħala l-aqwa offerent għal dan l-investiment f’Jannar tas-sena li għaddiet u l-ftehim inizjali kien iffirmat f’Settembru li għadda. Il-grupp jispeċjalizza fl-industrija taż-żejt u l-gass u ilu attiv f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 15-il sena.
//= $special ?>

