Lokali Parlament

Gvern fi kriżi li issa anke abbanduna l-Parlament

Maqbud fi kriżi politika u kriżi ta’ korruzzjoni, il-Gvern ta’ Joseph Muscat issa abbanduna wkoll il-Parlament, tant li llejla ma kellu ebda membru tal-Kabinett preżenti fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex setgħet titkompla l-aġenda Parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li seħħ illejla fil-Parlament, li dak li ġara llejla hu bla preċedent, hekk kif il-Gvern abbanduna anke l-ħidma tiegħu fil-Parlament. Dan hu diżrispett lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi politika bl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, mhux biss iwassal għal kriżi fi ħdan il-Partit Laburista, iżda issa anke jwaqqaf il-ħidma tal-Gvern fil-Parlament.

Il-Parlament aġġorna għal għada filgħaxija
Il-Parlament illejla aġġorna ħafna qabel il-ħin, siegħa u nofs qabel, għal għada l-Erbgħa minħabba li ma kienx hemm kelliema tal-Gvern biex jitkellmu fuq il-liġijiet li kienu fuq l-aġenda tax-xogħol tal-Parlament.

Il-Kamra tad-Deputati kienet sospiża għal madwar 20 minuta ftit qabel is-7.10pm, wara li ntemmet id-diskussjoni b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Parteċipazzjoni fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju taħt il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan l-Abbozz kien diskuss mill-istadju tat-Tieni Qari u anke mil-istadju ta’ Kumitat, u fih tkellmu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u x-Shadow Minister Claudio Grech.

Meta l-Kamra għaddiet għax-xogħol li kien imiss fuq l-aġenda tal-Parlament, l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, il-Ministru Evarist Bartolo li kien fil-pussess tal-Kamra fid-dibattitu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, ma kienx preżenti.

Jirriżulta wkoll li ma kien hemm ebda Ministru ieħor fil-Kamra tad-Deputati li seta’ jkompli bix-xogħol tal-Gvern.

Wara li l-Kamra kienet ilha sospiża 20 minuta, għall-ħabta tas-7.30pm, kien hemm qbil biex ix-xogħol tal-Parlament jaġġorna għal għada filgħaxija. Dan sar wara li wasal fil-Parlament il-Ministru Joe Mizzi, li aġġorna hu l-Kamra u għamel hu wkoll l-aġġornament li llum kien imiss lin-naħa tal-Gvern.