Editorjal

EDITORJAL: Ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta?

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’diskors ieħor tajjeb ferm li għamel, did-darba f’Ħaż-Żebbuġ, għamel osservazzjoni loġika lin-numru kbir ta’ nies li kienu jisimgħuh; osservazzjoni raġunata li tikxef il-maskra ta’ Joseph Muscat.

Għal żewġ kumpaniji sigrieti…
Simon Busuttil osserva kif f’aktar minn xahrejn sħaħ ta’ dan l-iskandlu enormi u internazzjonali ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, sirna nafu li l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Joseph Muscat fetħu żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama li ħbewhom ġo trusts sigrieti fi New Zealand, biex żgur jippruvaw ma jinqabdux.

…tlieta
Però, mill-iskandlu internazzjonali li nkixef fi 11-il miljun email tal-kumpanija Panamjana Mossack Fonseca – rappreżentata f’Malta minn ħabib personali tal-Prim Ministru li għandu skrivanija f’Kastilja ma’ Joseph Muscat – sirna nafu li l-kumpanija ta’ ħabib Joseph Muscat mhux żewġ kumpaniji sigrieti fetħet flimkien fil-Panama, imma tlieta.

Il-mistoqsija l-aktar ovvja: ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama?
Simon Busuttil, bil-mod loġiku u onest tipiku tiegħu osserva li Joseph Muscat f’xahrejn sħaħ ta’ difiża kontinwa lil idejh il-leminija u x-xellugija qatt ma rabba l-kuraġġ jgħid lill-poplu x’inhi t-tweġiba għall-mistoqsija li, kieku mhux imdaħħal bil-kbir f’dan l-iskandlu, Muscat kien żgur jagħmel lil idejh it-tnejn u lil sieħbu ta’ Mossack Fonseca f’Kastilja: ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta? Imma Joseph Muscat la għamilha din il-mistoqsija, għax kieku kien jgħidilna, u lanqas ma qalilna x’inhi t-tweġiba għaliha, għax kieku żgur kien jgħidilna.

Turija ċara tal-kompliċità ta’ Joseph Muscat
Kull min jimxi bir-raġuni u bil-loġika f’dan l-iskandlu internazzjonali kbir ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, li laqat bil-qawwi lill-Gvern ta’ Joseph Muscat f’idejh it-tnejn f’Kastilja u f’sieħbu ta’ Mossack Fonseca f’Kastilja wkoll, jikkonkludi ċar li x-xahrejn difiża qawwija ta’ jdejh it-tnejn f’Kastilja, li ħadd minnhom ma ndenja ruħu mqar joffri r-riżenja, huma turija ċara tal-kompliċità ta’ Joseph Muscat magħhom.

Wara li telgħu fil-poter, għas-‘senseriji’
U din hi kompliċità fi skandlu enormi li fih l-idejn il-leminija u x-xellugija ta’ Joseph Muscat fetħu kumpaniji sigrieti wara li telgħu fil-poter – u din hi importanti ħafna: wara. Ippruvaw jiftħu għal dawn il-kumpaniji sigrieti kont sigriet tal-bank f’disa’ pajjiżi ta’ segretezza kbira u qalu ħrejjef ovvji – flimkien ma’ Joseph Muscat stess – dwar x’kienu se jgħaddu minn dawn il-kumpaniji sigrieti b’kont sigriet tal-bank. Darba waħda qalu l-verità: ‘senseriji’ waqt li qegħdin fil-gvern; imbagħad forsi qalu l-verità meta qalu ‘riċiklaġġ’, imma mhux ta’ skart. Dak li wettqu sħab Joseph Muscat hu gravi ħafna fih innifsu, speċjalment meta nafu li riedu jiftħu kont sigriet tal-bank li kienu jafu li jridu jpoġġu fih miljun dollaru fis-sena: ħames miljuni f’leġiżlatura waħda.

Joseph Muscat jista’ jistaħba, imma ma jistax jaħrab
Joseph Muscat issa qatta’ aktar minn xahrejn jiddefendi lil sħabu f’Kastilja. Kif qal kemm-il darba Simon Busuttil, Joseph Muscat jista’ jistaħba, imma ma jistax jaħrab.

https://soundcloud.com/editorjal-radio101/ta-min-hi-t-tielet-kumpanija-sigrieta