Internazzjonali

Franza ‘lesta tgħin’ lill-Gvern Libjan għall-għaqda…L-Italja tiċħad li se tibgħat suldati lejn il-Libja

Franza tinsab lesta biex tgħin lill-Gvern Libjan għall-għaqda fil-qasam tas-sigurtà marittima. Dan meta l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Libjan magħżul, Fayez al-Sarraj, qed tagħmel li tista’ biex teżerċita l-kontroll fil-Libja mifnija bil-kaos.

Il-Ministru tad-Difiża Franċiż, Jean-Yves Le Drian, qal lir-radju Europe 1 ta’ Franza li ‘pajjiżu għandu jistenna sakemm il-Gvern għall-għaqda Libjan (li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti) jinforma lil Pariġi dwar il-miżuri li qed jippjana biex jieħu u dwar x’qed jittama li jikseb mingħand il-komunità internazzjonali biex jaċċerta mis-sigurtà’.

Il-kummenti ngħataw jiem wara li l-Unjoni Ewropea offriet appoġġ ‘konkret’ lill-Gvern għall-għaqda Libjan biex jistimola l-ekonomija u s-sigurtà – b’dan l-appoġġ jinkludi taħriġ għall-gwardjani tal-kosta Libjani biex jikkontrollaw il-mewġa tal-immigranti li qegħdin jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.

L-UE hi inkwetata dwar l-espansjoni tal-ISIS fil-Libja, kif ukoll dwar iż-żieda l-ġdida (mill-bidu tar-rebbiegħa) fl-immigranti li qegħdin jaslu l-Italja (mil-Libja). Il-Kapijiet Ewropej qed jippruvaw jespandu l-mandat ta’ missjoni marittima, imlaqqma ‘Sophia’, fil-Mediterran, li taħseb biex tikkumbatti t-traffikar tan-nies lil hinn mill-kosta Libjana.

Sadanittant, sorsi qrib il-Gvern tal-Italja irrifjutaw allegazzjonijiet fl-istampa li l-Italja qed taħseb biex tibgħat is-suldati lejn il-Libja.

Rapport fil-gazzetta Corriere Della Sera kien irrefera ‘għall-aħħar pjani’ fejn ingħad li l-Italja kienet beħsiebha tibgħat sa 900 element militari lejn il-Libja, bl-iskop li jipproteġu siti kruċjali, fosthom bjar taż-żejt, filwaqt li jħarrġu lill-armata lokali. Intant l-imkejjen qrib l-amministrazzjoni f’Ruma, issa, insistew li ‘dawn huma allegazzjonijiet bla bażi’.

Madankollu, rapporti oħra, ilbieraħ qalu li l-Gvern ta’ Sarraj talab għajnuna minn barra biex jipproteġi l-bjar u z-zoni taż-żejt fil-Libja mit-theddid tal-ISIS – bil-komunità internazzjonali ‘tindika diġà xi sinjali ta’ appoġġ’. Ingħad ukoll li l-Italja għandha tkun ‘sensittiva’ għal dawn it-talbiet ladarba jkunu formalizzati.