Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jikteb lill-Awditur Ġenerali dwar il-proposta ta’ Power Station ġdida

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil bagħat ittra lill-Awditur Ġenerali, li magħha għadda kopja tad-dokument li kien ġie mgħoddi lill-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali bi proposta għall-bini ta’ Power Station oħra.

Simon Busuttil kien żvela dan il-fatt fid-diskors waqt il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat il-ġimgħa li għaddiet, li waqtu spjega kif ma hemm l-ebda dubju li l-Power Station kienet ġiet proposta lill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali u dwarha kien hemm ftehim.

Bħalissa, fuq talba tal-Oppożizzjoni, l-Awditur Ġenerali qed jinvestiga l-mod li bih il-Gvern mexa waqt u wara l-għoti tal-kuntratt biex tinbena l-Power Station il-ġdida, kif ukoll il-garanzija statali bla preċedent ta’ €360 miljun biex isir dan il-proġett.

Fl-ittra tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mid-dokument li l-Partit Nazzjonalista rċieva qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali jirriżulta ċar mhux biss li l-proposta kienet waħda simili ħafna għal dik ippreżentata mill-Partit Laburista fil-kampanja elettorali, iżda hi wkoll kważi identika għall-proġett li fil-fatt intgħażel.

Jirriżulta wkoll, sostna Simon Busuttil, li l-proponenti tal-proġett u l-investituri GASOL u GEM huma l-istess li fil-fatt intgħażlu. Kompla li aktar minn hekk, id-dokument joħloq tħassib serju ħafna li l-ispeċifikazzjonijiet tat-talba maħruġa mill-Enemalta għall-bini tal-Power Station kienu infuwenzati, jekk mhux iddettati, minn min kellu interess dirett fil-kuntratt.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hu jemmen li hu affront sfaċċat għall-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika. Għaldaqstant, hu talab lill-Awditur Ġenerali biex jikkunsidra d-dokument għall-fini tal-investigazzjoni, hekk kif jibqa’ disponibbli għal kull informazzjoni ulterjuri meħtieġ.

Agħfas fuq l-ittra biex taraha f’format kbir: