Il-presidenza tal-Unjoni Ewropea li Malta se tkun qed tmexxi fi żmien tmien xhur oħra, u t-tħejjijiet li għaddej bihom il-Gvern Malti, tqajmu fil-Parlament mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-bidu tas-seduta tal-lejla, meta staqsa numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ressaq għadd ta’ mistoqsijiet b’rabta mat-tħejjijiet li qiegħed jagħmel il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin meta f’Jannar li ġej Malta tibda tmexxi l-presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Wara li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin wieġeb mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis dwar laqgħa tal-Ambaxxaturi u Konsli, Simon Busuttil staqsa x’qiegħed jagħmel il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin biex iħejji l-Ambaxxaturi u l-Konsli ta’ Malta għall-presidenza ta’ Malta. Staqsa wkoll jekk minbarra fir-Rappreżentanza ta’ Malta fi Brussell, jekk żdidux ir-riżorsi f’Ambaxxati oħrajn f’pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru George Vella spjega li hemm kordinazzjoni bejn diversi Ministeri tal-Gvern b’rabta max-xogħol li jrid isir tul il-presidenza wara li tfasslet il-fomolazzjoni tal-policy tal-presidenza li issa hi aċċettata.
L-aspett loġistiku hu f’idejn l-Uffiċċju tal-Deputat Prim Ministru filwaqt li qed jitħejja pjan dwar ir-riżorsi umani. George Vella qal li qed isir pjan b’konsultazzjoni mal-Ambaxxaturi u fil-laqgħa li jmiss se ssir enfasi biex ikunu huma spokespersons ta’ Malta għal dawn is-sitt xhur tal-presidenza.
Il-Gvern għaddej b’konsultazzjoni kontinwa wkoll bejn it-trio tal-presidenza – fejn fimkien ma’ Malta hemm l-Olanda u s-Slovakkja.
Għal aktar mistoqsijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li l-pjan diġà lest, intgħażlu anke n-nies u din il-ġimgħa se jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar in-nmru ta’ nies li se jkunu miżjuda skont il-mezzi limitati ta’ pajjiżna biex isir sforz biex nagħmlu l-massimu u noħorġu bl-unuri kif dejjem ħareġ pajjiżna.
Għal aktar kjarifiki mill-Kap tal-Oppożizzjon Simon Busuttil biex il-Gvern jgħid liema huma l-Ambaxxati fl-UE fejn għadhom ma żdidux, u meta se jsir dan, il-Ministru Vella wieġeb li hemm Ambaxxati fejn diġà żdiedu b’waħdiet. Spjega li minn din il-ġimgħa bdiet id-diskussjoni dwar min se jkunu, u li se jibdew jintbagħtu n-nies fil-ġimgħat li ġejjin.
Għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jippreżenta l-lista ta’ persuni u b’kemm u meta se jiżdiedu r-riżorsi umani fl-Ambaxxati, il-Ministru George Vella talab biex issir mistoqsija bil-miktub biex iwieġeb b’mod dettaljat.
//= $special ?>