Il-kumpanija Mistubishi Motors ammettiet li ilha mill-1991 tiffalsifika wħud mit-testijiet għall-konsum tal-fuel. Din l-ammissjoni segwiet dak żvelat il-ġimgħa l-oħra, fis-sens li l-Mistubishi iffalsifikat data rigward il-fuel economy għal aktar minn 600,000 vettura mibjugħin fil-Ġappun.
Il-Viċi-President tal-Mitsubishi, Ryugo Nakao, tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Tokjo u sostna li ‘(il-kumpanija) kienet ilha mill-1991 tuża l-metodu partikolari għas-suq domestiku’.
Nakao qal li ma kienx magħruf in-numru tal-mudelli affettwati. Sadanittant, il-President tal-Mitsubishi Motors, Tetsuro Aikawa, qal li bħalissa għaddejja investigazzjoni, fost suġġerimenti li jistgħu jinstabu aktar irregolaritajiet.
L-ishma fil-kumpanija waqgħu b’għaxra oħra fil-mija, bit-tnaqqis, mindu faqqa’ dan l-iskandlu, qed jitqies bħala ‘kważi ekwivalenti għal 50 fil-mija’.
Aikawa qal li ma jafx għalfejn l-impjegati ddeċidew biex ibagħbsu l-provi għall-ekonomija tal-fuel bl-iskop li jidhru aħjar in-numri tal-mileage.
Il-kumpanija tal-Mitsubishi kienet wiegħdet, kemm-il darba, li tirrispetta r-regoli tas-suq ‘u ma żżomm xejn moħbi’ wara li, 15-il sena ilu faqqa’ skandlu kbir dwar sistema ta’ ħabi sistematika fir-rigward ta’ difetti fil-vetturi.
Il-frodi konnessa mal-mileage tmur kontra l-liġijiet tal-Ġappun fejn tidħol l-effiċjenza tal-fuel. Madankollu, il-penali potenzjali mhumiex ċari minħabba l-inċertezzi marbutin mar-riżultat ta’ investigazzjoni.
Sadanittant, il-Mitsubishi waqqfet panel ta’ tliet avukati esterni biex jirrappurtaw dwar l-iskandlu l-ġdid fi żmien tliet xhur. Dan meta waqqfet il-produzzjoni u l-bejgħ tal-mudelli assoċjati mal-iskandlu tal-mileage tests li jinkludu għexieren ta’ eluf ta’ karozzi eK wagon u eK Space, flimkien ma’ eluf ta’ vetturi Dayz u Dayz Roox prodotti għal Nissan. Dawn il-mudelli kollha nbiegħu biss fil-Ġappun.
//= $special ?>