L-Ukrajna llum qed tfakkar it-30 anniversarju tad-diżastru nukleari fir-reattur ta’ Chernobyl, li seħħ fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ April 1986.
Fost l-attivitajiet, indaqqu s-sireni fl-istess mumenti ta’ meta kienet seħħet l-ewwel splużjoni fir-reattur, li mbagħad kienet segwita minn konsegwenzi inkontrollabbli li rriżultaw f’daħna ta’ materjal radjuattiv fuq l-Ukrajna. L-hekk imsejjaħ ‘meltdown’ kien l-agħar tat-tip tiegħu fl-istorja, bid-daħna qattiela, maż-żmien, tinfirex lejn ir-Russja, il-Belarus u bnadi oħra fit-Tramuntana tal-Ewropa.
Il-qraba tan-nies li mietu fl-isplużjoni ta’ Chernobyl attendew għal velja ta’ talb taħt id-dawl tax-xemgħa, li saru f’diversi Knejjes. Servizz ta’ tifkira partikolari sar fil-belt ta’ Slavutych, li nbniet bħala residenza ġdida għall-ħaddiema li kienu jgħixu qrib l-impjant nukleari.
Saru wkoll diversi avvenimenti kommemorattivi, bil-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko jattendi ċerimonja fi Kjev fejn qiegħed girlanda għall-memorja tal-vittmi tad-diżastru qabel ma osserva minuta silenzju. Imbagħad, il-President attenda wkoll ċerimonja fis-sit tal-impjant ta’ Chernobyl, li mhuwiex wisq ‘il bogħod mill-fruntiera mal-Belarus.
Il-livell tar-radjuattività għadu għoli sal-lum fiż-żona ta’ madwar l-impjant ta’ Chernobyl. Dan meta entitajiet karitatevoli qalu li numru ta’ trabi li qed jitwieldu f’reġjuni qrib il-fruntieri tal-Ukrajna qed juru difetti serji, filwaqt li numru għoli ta’ nies fl-inħawi qed ibatu minn forom rari ta’ kanċer.
Qabel l-anniversarju, numru ta’ eks residenti kienu rritornaw fl-inħawi ta’ Chernobyl snin wara li kienet seħħet l-evakwazzjoni tan-nies mill-inħawi, b’kaġun tal-inċident. L-ammont tal-vittmi dovuti għat-traġedja ta’ Chernobyl għadu kkuntestat sal-lum.
Rapport li kien ħareġ fl-2005 miċ-Chernobyl Forum (appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti) ikkonkluda li anqas minn 50 ħaddiem kienu mietu wara li spiċċaw esposti għar-radjazzjoni. Il-parti l-kbira tal-mejtin kienu ħaddiema li tilfu ħajjithom immedjatament wara d-diżastru, iżda kien hemm uħud li baqgħu jgħixu bl-effetti tar-radjazzjoni sal-2004.
Il-Forum ikkalkula li sa 9,000 setgħu jmutu, eventwalment mir-radjazzjoni, filwaqt li xi analisti ma jeskludux li ċ-ċifra tal-vittmi ta’ Chernobyl jistgħu fil-fatt ilaħħqu t-93,000.
//= $special ?>