Internazzjonali

Kundanna għall-qtil ta’ ostaġġ Kanadiż fil-Filippini

Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, ikkundanna bl-aħrax il-qtil brutali ta’ ostaġġ Kanadiż li, xhur ilu nħataf mill-militanti Iżlamiċi, fil-Filippini.

Il-vittma, John Ridsdel, li kellu 68 sena, spiċċa b’rasu maqtugħa wara li hu u xi ostaġġi oħra nħatfu, f’Settembru, mill-inħawi ta’ resort turistiku, qrib il-belt ta’ Davao.

Il-militanti responsabbli huma membri tal-grupp Abu Sayyaf, u kelliema għall-Armata Filippina qalu li r-ras maqtugħa ta’ Ridsdel instabet fuq il-gżira remota ta’ Jolo, sigħat wara li skada ż-żmien biex jitħallas rahan li kienu qegħdin jitolbu l-militanti.

F’Novembru li għadda, il-militanti Iżlamiċi kienu ħarġu filmat ta’ Ridsdel u tliet ostaġġi oħra waqt li insistew għal ħlas ekwivalenti għal 55 miljun lira Sterlina. Aktar ’il quddiem, Ridsdel kien wissa, fuq filmat ieħor li kienu ħarġu l-militanti, li ‘hu kellu jinqatel fil-25 ta’ April’ f’każ li ma kellu jitħallas l-ebda rahan.

Meta tkellem dwar il-qtil, Trudeau, filwaqt li kkonferma l-omiċidju faħxi, għamilha ċara li ‘l-grupp terroristiku li ħataf lill-Kanadiż bħala ostaġġ irid iġorr ir-responsabbiltà għall-konsegwenzi’. Dan meta l-Gvern Kanadiż isegwi politika fejn ma jitħallasx ir-rahan f’dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet.

Il-grupp Abu Sayyaf twaqqaf fis-snin disgħin u kien iffinanzjat mill-moviment al-Qaeda.

Il-militanti msieħba miegħu qegħdin jiġġieldu għal provinċja Iżlamika indipendenti fil-Filippini, waqt li diversi faxex tal-Abu Sayyaf, issa ħalfu lealtà lill-grupp terroristiku ISIS. Hu minnu wkoll li l-Abu Sayyaf, bħalissa qed iżommu numru ta’ barranin bħala ostaġġi.