Il-votanti f’ħames Stati Amerikani tal-grigal, bħalissa, qed jivvutaw f’sensiela ta’ primarji fejn Hillary Clinton, il-kandidat favorit tal-Partit Demokratiku, u Donald Trump, li jinsab fuq quddiem fost il-kandidati tal-Partit Repubblikan, mistennija jikkonsolidaw il-vantaġġ tagħhom fil-kampijiet rispettivi.
Intant, żdiedu l-indikazzjonijiet li Clinton u Trump, f’Novembru, għandhom jisfidaw direttament lil xulxin fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
L-aħħar primarji qed isiru fl-Istati ta’ Connecticut, Delaware, Maryland, Pennsylvania u Rhode Island. Anki f’dawn l-Istati hemm is-sinjali sodi li Clinton u Trump qegħdin igawdu vantaġġi komdi fuq l-isfidanti l-oħra.
Waqt li qed jidher dejjem aktar diffiċli li Clinton tfalli milli tikseb in-nomina tal-Partit Demokratiku, hemm forsi ftit aktar inċertezza fil-kamp Repubblikan, fejn is-Senatur Ted Cruz u l-Gvernatur ta’ Ohio, John Kasich jidhru li qegħdin jikkooperaw ma’ xulxin f’tentattiv komuni biex itellfu lil Trump mill-aħjar li jistgħu.
Cruz u Kasich dehru li ‘tilfu ħafna mill-interess li kellhom’ fl-Istati Amerikani tal-Grigal u qegħdin jgħinu lil xulxin għall-primarji tax-xahar id-dieħel fl-Istati ta’ Indiana, Oregon u New Mexico.
Filwaqt li Trump – kuntrarju għal Hillary Clinton – jidher li għad irid jegħleb xi ostakli notevoli biex jikseb in-nomina tal-Partit Repubblikan, riżultat tajjeb għalih, fil-primarji tallum, għandu jitqies bħala pass kruċjali ’l quddiem lejn it-tragward li jrid jilħaq.
//= $special ?>