Lokali

Is-soċjetà ċivili ssejjaħ għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri

Is-Civil Society Network ħabbar li se jorganizza protesta nazzjonali biex isejjaħ għar-riżenja immedjata ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri minn Ministru u Chief of Staff tal-Prim Ministru, fid-dawl tal-kontroversja u l-iskandlu tal-Panamagate, li ħa xejra dinjija bil-kxif tal-Panama Papers.

Fi stqarrija, tħabbar li l-protesta se ssir is-Sibt, 7 ta’ Mejju fl-10am fil-Pjazza ta’ quddiem il-Parlament. Matulha, mhu se jsiru l-ebda diskorsi, iżda se tkun protesta paċifika u mhux partiġjana biex is-soċjetà ċivili ssemma’ leħinha kontra l-involviment ta’ Mizzi u Schembri f’dan l-iskandlu kbir ta’ korruzzjoni.

In-Network qed jistieden individwi u organizzazzjonijiet li jixtiequ jattendu għal din il-protesta biex jagħmlu dan u jieħdu magħhom il-banners tagħhom.

L-istqarrija kompliet li s-Civil Society Network qed jitlob dak li hu normali u ovvju f’soċjetà demokratika: li politiċi u persuni esposti għall-politika ma jkunux assoċjati ma’ tax havens u ma’ deals finanzjarji dubjużi, hekk kif dan jista’ jirrizulta f’kunflitt ta’ interess.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Michael Briguglio, Monique Agius, Karl Camilleri, James Debono, Reuben Zammit, Martin Galea Degiovanni u Julian Delia f’isem in-Network tas-Soċjetà Ċivili.