Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia nħatret bħala membru fil-bord tat-tmexxija tal-Uffiċċju tal-Propjetà Intelletwali tal-Unjoni Ewropea (EUPIO) f’isem il-Parlament Ewropew. Dan wara li n-nomina tagħha sabet l-appoġġ tal-Konferenza tal-Presidenti.
Fl-ewwel reazzjoni wara li ngħatat din il-kariga, l-MEP Maltija qalet “ninsab onorata li jien l-ewwel Membru tal-Parlament Ewropew li qed jirrappreżenta lill-Parlament fil-bord tat-tmexxija tal-EUPIO. Dan hu Uffiċċju importanti għax jiffaċilita l-protezzjoni tal-innovazzjoni, l-invenzjonijiet u l-interess ta’ min joħloq materjal innovattiv”.
Therese Comodini Cachia qalet li l-aċċess mingħajr xkiel għall-kontenut għandu jiġi ffaċilitat u ma nistgħux ma noffrux il-protezzjoni adegwata lil min joħloq il-kontenut għax jistħoqqilhom ir-rikonoxximent ta’ xogħolhom. L-innovazzjoni u l-kreattività jgħinu fil-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. F’dinja diġitali, sistema li tonqos milli tipprovdi protezzjoni effettiva u effiċjenti tal-drittijiet intelletwali toħnoq l-innovazzjoni u l-kreattività, sostniet Comodini Cachia.
L-EUPIO hi aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni Ewropea, li tieħu ħsieb it-trademark u r-reġistrazzjoni tad-diżinji. L-EUPIO hu responsabbli wkoll mill-Osservatorju Ewropew fuq ksur ta’ Drittijiet tal-Propjetà Intelletwali (IPR), li jqarreb flimkien l-istakeholders mis-settur pubbliku u privat fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-prodotti foloz.
Matul ix-xhur li għaddew, Therese Comodini Cachia ħadmet fis-settur tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali (IPR). Hi tat ukoll il-kontribut tagħha fir-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) “Towards a renewed consensus on the enforcement of Intellectual Property Rights: an EU action plan”, li jisħaq favur l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali u kampanji għal għarfien aħjar, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ.
L-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista kienet ukoll Rapporteur għall-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) dwar ‘position paper’ fuq il-legiżlazzjoni tal-IPR, filwaqt li rrappreżentat lill-PPE fi żjara fl-EUPIO, fejn sar skrutinju tal-ħidma tal-Aġenzija.
Hu stmat li miljuni ta’ ewro qed jintilfu mill-intrapriżi żgħar u medji Ewropej f’setturi differenti minħabba l-ksur tal-propjetà intelletwali, li qed iħalli impatt negattiv fuq l-impjiegi. Illum hu l-Jum Dinji tal-Propjetà Intelletwali, li jitfakkar biex jippromwovi diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-propjetà intelletwali u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-kreattività.
It-tema għall-2016 hi “Digital Creativity: Culture Reimagined”.
//= $special ?>