Lokali

Tifla tweġġa’ f’ħabta head-on fl-Għarb

Mill-arkivji

Ħabta head-on fl-Għarb Għawdex wasslet biex tifla ta’ sitt snin sofriet feriti gravi għalkemm fortunatament ma tinsabx fil-periklu li titlef ħajjitha.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.45pm fi Triq Santu Pietru meta għal xi raġuni seħħet il-ħabta bejn karozza tat-tip BMW 120D Sport misjuqa minn Ingliż ta’ 25 sena residenti l-Għarb, li kien hemm fiha wkoll żagħżugħa ta’ 21 sena u t-tifla, u vettura tal-Pulizija, li kienet qed tinstaq minn Kuntistabbli ta’ 27 sena minn Ta’ Sannat.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li ta l-ewwel għajnuna lit-tifla u lill-Kuntistabbli fil-post. Filwaqt li l-membru tal-Korp kien iċċertifikat li sofra biss feriti ħfief, it-tifla ttieħdet l-Isptar għall-kura.

Hemm kienet iċċertifikata li qed issofri minn feriti gravi iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha. Il-persuni l-oħrajn involuti ma sofrew l-ebda feriti.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-għassa Paul Coppini, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’Inkjesta Maġisterjali. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.