Internazzjonali

It-traġedja ta’ Hillsborough: ħtija fuq il-Pulizija

Fir-Renju Unit ħareġ ir-riżultat tal-inkjesta dwar it-traġedja ta’ Hillsborough, fejn 96 partitarji ta’ Liverpool kienu mietu mgħaffġin qabel is-semi-finali tal-FA Cup li kellha ssir fil-15 ta’ April tal-1989.

Skont il-verdett, il-mewt tal-partitarji kienet dovuta għal persuni mhumiex speċifikati, taħt ċirkustanzi fejn ma eżistiet l-ebda raġuni valida u fejn l-eżitu traġiku kellu jseħħ minn abbuż tal-liġi kriminali.

Il-ġurati wieġbu fl-affermattiv għad-domanda dwar jekk in-nuqqasijiet tal-Pulizija, dakinar, ikkaġunawx jew ikkontribwew għal sitwazzjoni perikoluża waqt is-semi-finali tal-1989. Il-verdett anki ikkonkluda li l-azzjonijiet tal-partitarji ta’ Liverpool, dakinar, ma wasslux għas-sitwazzjoni perikoluża fis-stadium ta’ Hillsborough.

Il-ġurati rreferew għal numru ta’ nuqqasijiet fis-stadium partikolari li kkaġuna d-diżastru waqt li sostnew li kien hemm ukoll żball fiċ-ċertifikat tas-sigurtà għall-istadium ta’ Hillsborough.