Lokali

Wara pressjoni, il-GRTU tilħaq ftehim għal konsultazzjoni dwar l-Avviż Legali fuq il-billboards

Wara l-pressjoni li kienet qed tagħmel fuq il-Gvern biex jirrevoka l-Avviż Legali dwar it-tneħħija u l-ħlas għall-billboards, il-GRTU rnexxielha tilħaq ftehim mas-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ħalli jibda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-billboards. Dan il-proċess jistenni jkun mifrux fuq sitt ġimgħat.

Meta daħal fis-seħħ dan l-Avviż Legali, il-GRTU kienet qalet fi stqarrija li l-Avviż Legali kien biss mossa klandestina. Il-GRTU kienet qalet ukoll li din il-Liġi se tkun qed tagħmel biss ħsara lin-negozjanti Maltin u tpoġġi piż addizjonali ta’ €1,500 fis-sena fuq dawk kollha li jridu jirreklamaw.

Il-GRTU kienet innotat li bil-manuvra tal-Gvern se jintlaqtu mhux biss billboards fit-toroq, iżda saħansitra kull struttura simili li tinsab fi propjetà privata. Madankollu, il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jwassal għal proposti ta’ tibdil fl-Avviż Legali.

Sakemm isir il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Gvern qabel li se jillimita l-infurzar għall-‘free standing billboards’ li jinsabu fil-ġnub tat-toroq u li huma illegali. Min-naħa l-oħra, in-negozji li għandhom tabelli mal-ħwienet għandhom jibqgħu jaħdmu b’mod normali.