Lokali Qorti

Jingħata l-liberta’ proviżorja, iżda ntbagħat il-ħabs għax ma kellux €300

Raġel Somalu, irtira l-ammissjoni tiegħu u wieġeb mhux ħati meta sar jaf li kien se jiffaċċja sentenza ta’ priġunerija u multa għolja wara li kien akkużat li sawwat is-sieħba ta’ ħabib tiegħu b’lembuba u li ħebb għal diversi uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jipprovaw iżommuh.

Abshir Socdaal Cabdiqaadir, ressaq quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja wara inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-appartament tiegħu f’Ħaż-Żabbar

L-Ispettur Hubert Cini qal li numru ta’ pulizija intbagħtu fuq il-post hekk kif irċevew rapport li l-akkużat kien qed isawwat mara Somala residenti l-Fgura b’lembuba. Hu spjega li l-akkużat kien aggressiv għall-aħħar fil-konfront tal-pulizija u wieħed minnhom sofra ġrieħi ħfief. Is-Somalu kien akkużat ukoll li wettaq ħsara fuq propjeta’ pubblika u li kkaġuna ġrieħi fuq il-mara.

L-Akkużat kien se jwieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda meta l-Maġistrat Bugeja, permezz ta’ interpretu, spjegali li seta’ jeħel sa sentejn ħabs, hu rtira t-talba u wieġeb mhux ħati.

Id-difiża talbet lill-prosekuzzjoni biex tipproduċi l-provi kollha immedjatament iżda l-prosekuzzjoni wieġbet li kien hemm xi xhieda li ma setgħux ikunu preżenti minħabba li kienu għadhom qed jirkupraw mill-ġrieħi li sofrew. Għaldaqstant id-difiża talbet għall-liberta’ proviżorja, bil-Maġistrat Bugeja jiddiferixxi t-talba għal ftit sigħat. Iktar tard hu laqa’ t-talba għall-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €300, iżda peress li s-Somalu m’għandux din is-somma hu ntbagħat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Is-Somalu kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Joe Ellis