4.00pm: Waqt konferenza tal-aħbarijiet (ritratt fuq), il-Ministru responsabbli mill-Air Malta ħabbar li ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Alitalia u l-Air Malta, bil-linja tal-ajru Taljana se tixtri 49% tal-ishma tal-linja nazzjonali Maltija. In-negozjati għall-bejgħ mistennija jieħdu madwar tliet xhur.
3.10pm: Il-laqgħa ntemmet diġà. Fil-fatt, jidher li b’kollox, il-laqgħa damet biss madwar nofsiegħa.
2.45pm: Ftit tal-minuti ilu, deher dieħel f’Kastilja l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li hu responsabbli mill-Air Malta, li qal li għamel din il-laqgħa biex jinforma lill-ħaddiema u lill-unions dwar l-aħħar żviluppi. Mistoqsi jekk hux se tkun l-Alitalia li se tieħu f’idejha l-Air Malta, hu wieġeb billi sostna li l-ewwel jippreferi jkellem lill-ħaddiema. Dehret dieħla wkoll iċ-Chairperson tal-Air Malta Maria Micallef.
Aktar kmieni …
L-uffiċjali tal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Air Malta ftit tal-ħin ilu ssejħu għal laqgħa urġenti f’Kastilja.
Dan hekk kif, minkejja li l-Gvern qed ifittex sieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali tal-ajru, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema qed jitħallew fid-dlam dwar il-futur tal-membri tagħhom.
Mistoqsija mill-ġurnalisti qabel ma daħlu f’Kastilja, l-uffiċjali tal-unions qalu li f’dan l-istadju ma kellhomx kummenti x’jgħaddu.
//= $special ?>

