Internazzjonali

Clinton u Trump pass biss ‘il bogħod min-nomini għall-elezzjoni Presidenzjali

Il-Primarji tas-Super Tuesday fl-Istati Uniti kienu trijonf personali għal Hillary Clinton u Donald Trump, li issa jinsabu pass ‘il bogħod milli jikkonfermaw in-nomini tal-partiti rispettivi biex jikkonfrontaw lil xulxin fl-elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza Amerikana.

L-aħħar Primarji saru fl-Istati ta’ Connecticut, Delaware, Maryland, Pennsylvania u Rhode Island, b’Donald Trump bħala l-kandidat ewlieni tal-Partit Repubblikan irnexxielu jirbaħ f’dawn il-ħames Stati. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Trump qal li għalih hu diġà rebaħ in-nomina tal-Partit Repubblikan.

Min-naħa l-oħra, Hillary Clinton rebħet il-Primarji f’erba’ Stati: Connecticut, Delaware, Maryland u Pennsylvania. Bernie Sanders, ir-rivali dirett ta’ Clinton għan-nomina tal-Partit Demokratiku, kiseb rebħa f’Rhode Island, iżda nsista li għandu jkompli jissielet sat-tmiem tal-proċess tal-Primarji.