Editorjal

EDITORJAL: Is-servizzi sigrieti u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-gazzetta Il-Mument, f’rapporti fuq l-aħħar żewġt Iħdud, kellha aħbar li tħasseb lil min jemmen fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni. L-aħbar – ippruvata bir-ritratt – kienet li aġenti tas-servizzi sigrieti ntbagħtu jispjunaw fuq dawk li b’mod apert inġabru biex juru solidarjetà max-Shadow Minister Jason Azzopardi qabel daħal għall-kawża ta’ malafama kriminali – li rebaħ bil-fjokki – magħmula kontrih mill-ewwel Kummissarju tal-Pulizija ta’ Joseph Muscat. Ir-rapport ta’ Joe Mikallef f’Il-Mument kellu miegħu r-ritratt tal-aġenti sigrieti quddiem il-Qorti f’dik l-okkażjoni flimkien. Ir-ritratt hu prova mill-aqwa; il-mistoqsija tibqa’ min bagħathom.

Is-servizz tas-sigurtà: fil-pasat, suċċessi fil-ġlieda lill-kriminalità organizzata
Is-servizz tas-sigurtà twaqqaf mill-Gvern Nazzjonalista biex l-aqwa elementi li għandna fil-pajjiż jiġġieldu l-kriminalità organizzata bl-aħjar mezzi u dejjem b’mezzi legali. Is-servizz tas-sigurtà, meta tmexxa b’mod serju, kellu suċċessi fil-qbid ta’ kriminali kbar u anke f’każi ta’ korruzzjoni li min wettaqhom spiċċa l-ħabs.

Issa, servizzi tas-sigurtà mnawrin u partiġjani
Meta tela’ Joseph Muscat, imma, mill-ewwel beda t-tinwir tal-istituzzjonijiet tagħna, ibda mill-Pulizija bit-tneħħija immedjata tal-Kummissarju li sab u l-ħatra partiġjana tal-ewwel Kummissarju tal-mistħija ta’ Muscat. Beda wkoll it-takeover – il-ħtif – tas-servizz tas-sigurtà biex, bħal istituzzjonijiet oħrajn, jikkontrollah il-Gvern.

Każi ta’ qtil bla xamma ta’ ħjiel…
L-aġenti sigrieti u min bagħathom għandhom ħafna x’jagħmlu bħalissa kieku jridu. F’Malta kellna sensiela ta’ każi ta’ qtil organizzati b’mod professjonali ħafna u li l-awtoritajiet m’għandhom lanqas l-iċken xamma ta’ ħjiel dwarhom. Għandna theddida tikber ta’ terroriżmu f’pajjiżi qribna. Għandna d-droga qawwija taħkem u l-ġlieda kontriha niexfa mis-suċċessi.

…terroriżmu, droga u korruzzjoni
Għandhom ħafna x’jagħmlu wkoll kieku jridu fil-każi kbar ta’ korruzzjoni li ħakmu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat. F’pajjiżi barranin, fl-iskandlu tal-Panama, l-awtoritajiet irrejdjaw l-uffiċini ta’ Mossack Fonseca. F’Malta, Mossack Fonseca għandha għal uffiċċju wieħed tnejn kieku s-servizzi sigrieti jridu jagħmlu xi ħaġa: fl-uffiċċju ta’ Nexia BT u f’Kastilja stess fejn ipoġġi min jirrappreżenta lil Mossack Fonseca ħdejn Joseph Muscat.

Dilettanti li ma baqgħu sigrieti xejn
Imma l-aġenti sigrieti u min bagħathom mhux biss mhux qed jinvestigaw il-korruzzjoni kbira li ħakmet lill-Gvern ta’ Joseph Muscat imma marru jaqgħu għaż-żuffjett u juru d-dilettantiżmu tas-servizzi sigrieti tal-Gvern ta’ Joseph Muscat meta nqabdu t-tlieta ħdejn xulxin fl-istess ritratt: amateurs, dilettanti li ma baqgħu sigrieti xejn, anzi nkixfu.

Kriżi ta’ korruzzjoni u kriżi fl-istituzzjonijiet
F’Malta llum mhux biss għandna kriżi ta’ korruzzjoni imma wkoll kriżi fl-istituzzjonijiet rappreżentata f’ritratt wieħed tas-servizzi sigrieti li bħalissa suppost qed jinvestigaw il-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, imma li llum huma biss għodda partiġjana u dilettanteska li qed twaqqa’ għar-ridikolu dik li f’pajjiżna messha hi ġlieda serja u qawwija kontra l-kriminalità u kontra l-korruzzjoni.

https://soundcloud.com/editorjal-radio101/is-servizzi-sigrieti-u-l-glieda-kontra-l-korruzzjoni