Għawdex Knisja Lokali

Filmat: Imniedi ‘Proġett Merħba’

Id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Komunità Anglikana għadhom kif nidew il-‘Proġett ‘Merħba’ – proġett ta’ akkoljenza ta’ grupp ta’ 24 student u studenta Nisranija ta’ bejn l-14 u t-18-il sena minn Erbil, fl-Iraq.

Il-grupp se jiġi ospitat f’appartament tal-Kurja ta’ Għawdex f’Marsalforn, bejn il-25 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2016. Il-viżjoni ta’ dan il-proġett hi li jservi ta’ programm ta’ skambju edukattiv li jqiegħed fil-prattika l-prinċipji fundamentali umani ta’ ħbiberija u mħabba, u jseddaq it-tama għal futur aħjar.

Fl-aħħar snin, il-Knisja Kattolika f’Għawdex qajmet diversi drabi d-diskussjoni dwar ir-refuġjati li jaslu f’pajjiżna, u l-modi kif bħala Knisja lokali tista’ tikkontribwixxi b’mod konkret, skont il-mezzi tagħha, biex tgħin lil dawn il-persuni.

Iktar minn darba Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, issuġġerixxa l-possibbiltà li tiġi ospitata familja ta’ refuġjati fil-parroċċi Għawdxin. Twaqqfet ukoll kummissjoni ad hoc, immexxija minn Dun Manwel Cordina, biex tagħmel studju u tressaq proposti għal linji gwida ta’ azzjoni pastorali f’dan il-qasam.

L-għajnuna lir-refuġjati hija parti mill-viżjoni pastorali mniżżla fil-Pjan Pastorali Djoċesan 2013-2016, u l-Papa Franġisku qajjem dan is-suġġett mill-ġdid fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena, fejn issuġġerixxa li kull parroċċa tospita familja ta’ refuġjati.

Id-Djoċesi Għawdxija, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Emigranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, offriet id-disponibbiltà li tospita żewġ familji ta’ refuġjati, u dan fil-fatt diġà qed iseħħ fl-appartamenti tal-Moviment Azzjoni Soċjali f’Għajnsielem, li huma amministrati mill-Kurja ta’ Għawdex, fejn tinsab ospitata familja ta’ fidi Ortodossa ta’ rit Kopt, mill-Eġittu. Id-Djoċesi ta’ Għawdex marbuta li ssostniha għal massimu ta’ sena.

Biex jiġu megħjuna dawn iż-żewġ familji ta’ refuġjati li qed tospita l-Knisja f’Għawdex, twaqqaf kumitat apposta li, flimkien mal-Caritas, isegwi lil dawn il-familji. Barra minn hekk, twaqqaf ukoll fond speċjali, biex imbagħad l-ispejjeż meħtieġa jinqasmu bejn il-parroċċi.

Riċentement, l-Isqof ta’ Għawdex kien issuġġerixxa wkoll li matul il-Ġublew tal-Ħniena, il-parroċċi jiddedikaw ġabra fix-xahar biex jitwaqqaf fond tal-karità.

Il-‘Proġett Merħba’, bi sħubija mal-Komunità Anglikana f’Għawdex, jikkumplimenta lil dan il-proġett, u dawn flimkien se jkunu ż-żewġ ġesti primarji ta’ karità u solidarjetà tal-Knisja lokali għal dan il-Ġublew.

L-idea oriġinali li jiġi ospitat f’Għawdex grupp ta’ żgħażagħ Insara mill-Iraq telqet miż-żjara f’Malta tas-saċerdot mill-Iraq Fr Douglas Bazi f’Ġunju tas-sena l-oħra. Fr Douglas jieħu ħsieb parroċċa f’Erbil, li qed tospita – fost l-oħrajn f’kampijiet – bosta refuġjati minn Mosul u nħawi oħra tal-qrib, li sfaw vittmi tal-persekuzzjoni mill-fundamentalisti Iżlamiċi.

Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat apposta li ilu jiltaqa’ għal diversi xhur, biex jaħdem fuq il-proġett, iħejji inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi, u jipprogramma ż-żjara.

Il-proġett ‘Merħba’ hu opra ta’ solidarjetà ma’ aħwa Nsara minn art ippersegwitata, li jieħu dimensjoni aktar qawwija f’dan il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Hu wkoll inizjattiva sabiħa ekumenika bejn il-Knisja Kattolika u dik Anglikana fil-qasam tal-karità. Fuq kollox, hu okkażjoni ta’ skambju edukattiv, reliġjuż u kulturali bejn żewġ popli, speċjalment fil-qasam tal-formazzjoni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

Kif talab il-Papa, dan hu wkoll “monument ħaj” ta’ din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, kif ukoll tal-150 Anniversarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebrat fl-2014.

Biex jinġabru l-fondi kollha meħtieġa għal dan il-proġett, li jiddependi totalment mill-għajnuna tal-isponsors u l-ġenerożità tal-poplu, diġà bdew jittieħdu diversi inizjattivi, fosthom kampanja ta’ ġbir għall-karità, b’kumpaniji Għawdxin diġà offrew għajnuniet b’oġġetti ta’ ikel u servizzi oħra għal waqt iż-żjara ta’ dawn iż-żgħażagħ.

Il-pubbliku jista’ wkoll jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu lill-‘Proġett Merħba’, il-Kurja tal-Isqof, Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex, jew direttament fil-kont bankarju tal-APS: 2000 1776 060 (Diocese of Gozo a/c – Proġett Merħba Iraq).