Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li ma tistax teskludi li jitressqu provi dwar konsenja kontrollata f’dan l-istadju tal-ġuri. Lanqas ma jistgħu jerġgħu jitressqu xhieda wara li kien eżaminati u kontroeżaminati. L-Imħallef Grima tat dan id-digriet wara li parti sostanzjali mis-sessjoni ta’ filgħodu tal-ġuri fil-kunfront ta’ Godfrey Gambin, Adel Babani u Nabiel Saleh, akkużati li ppruvaw idaħħlu Malta madwar 20 kilogramma kannabis bil-baħar fix-Xemxija, kienet meħuda minn battibekk bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar ir-rivelazzjoni kontroversjali li saret fix-xhieda tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Neil Harrison li l-operazzjoni kienet parti minn konsenja kontrollata.
Godfrey Gambin ta’ 40 sena mill-Iklin flimkien mal-Libjan Adel Mohammed Babani ta’ 51 sena u Nabeil Ibrahim Saleh ta’ 44 sena kienu arrestati f’Lulju tal-2010 wara li sabet l-allegata droga fil-pussess tagħhom ftit wara li kienet waslet speedboat fix-Xemxija. Saleh jinsab maħrub minn Malta
Id-difiża, permezz tal-Avukat Malcolm Mifsud ikkontendiet li l-azzjoni ta’ konsenja kkontrollata hi regolata b’mod ċar mill-Ordinanza Dwar id-Drogi Perikolużi u li l-liġi tesiġi li jkun hemm it-tagħrif u s-superviżjoni tal-pulizija u li mix-xhieda irriżulta li fuq id-dgħajsa ma kien hemm ebda membru tal-Korp tal-Pulizija. Minbarra li ma kienx hemm l-elementi ta’ kunsinja kontrollata, jirriżulta wkoll li l-pulizija u l-prosekuzzjoni, kellhom idejhom dokumenti fejn jawtorizzaw din il-kunsinna kontrollata u li sal-lum, dawn id-dokumenti għadhom ma’ ġewx preżentati fil-Qorti. L-Avukat Mifsud kompla li skont ir-regoli tal-evidenza, kull dokument għandu jinġieb quddiem il-Qorti, sew fil-kumpilazzjoni u sew quddiem il-Qorti li se tiġġudika. Id-difiża għaldaqstant talbet lill-Qorti biex tiddikjara lill-ġurati li ma hemm ebda prova ta’ konsenja kontrollata, jew li tiddikjara li l-operazzjoni kollha tal-pulizija hija waħda illegali u li jsir ordni li kwalunkwe xhud li se tressaq il-Qorti ma tistax tirreferi fuq operazzjoni illegali u mhux ibbażata fuq il-liġi.
L-Avukat Franco Debono, filwaqt li assoċja mal-eċċezzjonijiet mqajjma minn Malcolm Mifsud, qal li kien hemm ġurisprudenza fejn il-Qorti kienet ikkundannat każ simili fejn il-konsenja kontrollata ssemmiet fi stadju ta’ inkjesta li hu stadju li jiġi ferm qabel l-istadju tal-ġuri. L-Avukat Debono kompla li l-liġi hi ċara li ma tistax tressaq provi ġodda fi stadju ta’ ġuri. Hu qal li mingħajr id-dikjarazzjoni tal-konsenja kontrollata, dan qed ifisser li l-Pulizija qed iħallu nies jissupplixxu d-droga. Hu qal li f’dan l-istadju daqshekk tard, il-kwistjoni tal-konsenja kontrollata qed tikser l-ispirtu tal-kumpilazzjoni u d-difiża ġiet preġudikata.
Min-naħa tagħha il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Avukat Giannella Camilleri Busuttil issottomettiet li l-kwistjoni tal-konsenja kontrollata issemmiet wara li l-ewwel xhud tal-Prosekuzzjoni, l-eks Assistent Kummissarju Neil Harrison kien mistoqsi speċifikament dwar il-mod kif bdiet din l-operazzjoni. Il-Prosekuzzjoni sostniet li ladarba din il-kwistjoni qamet fi stadju daqshekk bikri waqt ix-xhieda tal-ewwel xhud, l-avukati tad-difiża kellhom kull opportunita’ li jagħmlu kontroeżami kemm lil Harrison kif ukoll ix-xhieda l-oħra sussegwenti.
Il-Prosekuzzjoni kompliet li l-awtorizzazzjoni għal konsenja kontrollata minn Maġistrat jew Avukat Ġenerali u li din l-awtorizzazzjoni tista’ anki tingħata verbalment u kkwotat każ ta’ Ottubru 2012 fejn ma kienx importanti li jkun hemm dokumenti iżda prova li l-Maġistrat ġie nfurmat u ta l-kunsens tiegħu. F’dik l-istess sentenza, kien intqal li l-prova tista’ ssir b’diversi modi, inkluż b’xhieda ġuramentata mill-Ispettur li jkun kiseb dan il-permess.
Għaldaqstant il-proskuzzjoni qed topponi għat-talbiet tad-difiża minħabba li jirriżulta biċ-ċar li hemm prova li effettivament saret din il-konsenja kontrollata, li din l-operazzjoni kienet waħda legali u awtorizzata għat-termini tal-liġi u li għaldaqstant, kwalunkwe xhud li sejjer jitressaq mill-Prosekuzzjoni jista’ jagħmel riferenza għal din l-operazzjoni li saret skont il-liġi.
Qabel ma nqalgħet din il-kwistjoni, instemgħet ix-xhieda tal-Ispettur Pierre Grech mill-iskwadra ta’ kontra d-drogi. Mill-kontroeżami tal-Avukat Difensur Alfred Abela irriżulta li wara l-arrest, l-akkużati ma kellhomx kuntatt bejniethom. L-Ispettur ikkonferma li l-verżjonijiet ta’ Gambin u Babani huma simili ta’ xulxin. Waqt tfittxija fil-propjeta’ ta’ Gambin, l-Ispettur Grech qal li ma nstabux drogi, oġġetti parafernali marbuta mad-droga. Lanqas ma nstabu flus li allegatament kellhom jintużaw fix-xiri tad-droga.
Mistoqsi dwar it-telefonati, l-Ispettur ikkonferma li kien hemm telefonati bejn l-akkużati fuq l-art, kien hemm ukoll telefonati lil xi ħadd fuq id-dgħajsa. Mill-investigazzjoni l-Ispettur qal li ma kienx hemm komunikazzjoni bejn l-akkużat Gambin u Nabiel Saleh, li jinsab maħrub.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Grech ippreċiża li hu kien involut biss fl-operazzjoni li wasslet għall-arrest u mhux fl-investigazzjonijiet li kienu qed isiru qabel. Dwar il-karozza Hyundai li kien qed isuq l-akkużat Gambin, irriżulta li din kienet reġistrati fuqu u ma nstabu ebda armi jew oġġetti oħra li setgħu jindikaw it-twettiq jew l-intenzjoni ta’ twettiq ta’ reat.
Dwar il-kwistjoni ta’ konsenja kontrollata, l-avukat difensur staqsa jekk il-persuni m’humiex taħt il-kontroll u s-sorveljanza tal-pulizija, f’dak il-każ qed isir reat u l-Ispettur Grech wieġeb fl-affermativ u l-pulizija trid tinvestiga t-tali persuna. Meta kien mistoqsi, hu qal li m’għandux prova li d-droga oriġinat mill-Libja.
Iktar pulizija xehdu matul is-sessjoni ta’ waranofsinhar fejn matulha irrakkontaw il-movimenti tal-akkużati matul il-lejl sakemm seħħ l-arrest għall-ħabta tat-8.30. Il-Kuntistabbli Nicolai Borg u s-Surġent David Borg xehdu li l-attenzjoni tagħhom kienet fuq l-akkużat Gambin wara li ntlemaħ jarmi borża roża mill-karozza. Waqt il-kontroeżami mill-Avukat Alfred Abela, iż-żewġ pulizija qalu li ma rawx lil Nabiel Saleh, li kien passiġġier fil-karozza Hyundai Tucson li hi propjeta’ ta’ Gambin, jaħrab minn fuq il-post.
L-Akkużat l-ieħor, Adel Mohammed Babani, ukoll twaqqaf mill-Pulizija meta kien qed iħalli l-post abbord il-vettura tiegħu Peugeot 106.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Camilleri Busuttil u Nadia Attard mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Alfred Abela u Mario Mifsud qed jidhru għal Godfrey Gambin. Adel Mohammed Babani hu assistit mill-Avukat Malcolm Mifsud.
Il-ġuri għadu għaddej.
//= $special ?>

