Possibbilment minħabba l-iżolazzjoni ta’ pajjiżna li jrendina limitati f’diversi oqsma fosthom dak kulturali, hija sfortuna li aktarx dak kollu li huwa relatat direttament jew indirettament mal-kultura tagħna huwa sforz passjoni li ntirtet u li aktarx iġġib magħha volontà li ma tħallix qliegħ ta’ flus. Il-kitba letterarja Maltija, minkejja li għadha fl-‘infanzja’ tagħha meta kkomparata ma’ lingwi kbar li kitbiethom jagħrfu l-mijiet ta’ snin, għaddiet minn żviluppi interessanti tassew li lkoll għenu biex il-letteratura tagħna toffri kitba li tfisser storja politika, soċjali u kulturali Maltija li wkoll għaddiet minn bidliet diversi.
Il-kitba ta’ pajjiż hija biss reazzjoni attwali ta’ era partikolari li aktarx tkun qiegħda tidentifika l-iżvilupp soċjo-politiku. Huwa għalhekk li fis-60ijiet, perjodi ta’ sfidi politiċi li lkoll ħallew impatt fuq ir-razzjonal soċjali raw l-evoluzzjoni tal-Moviment Qawmien Letterarju; Moviment li kien inkonxjament ispirat minn rieda għall-Indipendenza li minnu nnifsu ttrasforma ruħu f’kitba li tixhed din ir-ribeljoni ta’ liberalizzazzjoni. L-istess ninnutaw jekk immorru lura fiż-żmenijiet u nanalizzaw kitbiet ta’ diversi kittieba kbar; Ġużè Muscat Azzopardi, Ġużè Ellul Mercer, Ġwann Mamo, Dun Karm u oħrajn: kitbiet li jamalgamaw b’ċertu parallelliżmu mal-perjodu inkwistjoni.
Illum nargumentaw li l-kitba Maltija saret aktar rikka, kisbet awtonomija anke minħabba li l-Malti huwa lsien minn fost il-kbar li sserraħ fuqhom l-Unjoni Ewropea, iżda studji empiriċi dwar kemm il-kitba Maltija mxiet pass pass mal-iżviluppi ta’ soċjetà f’ġenerazzjoni dipendenti fuq it-teknoloġija u allura l-internet, u dwar kemm il-kitba Maltija qiegħda taqdi l-funzjoni vera f’mumenti fejn il-ktieb madwar id-dinja qiegħed isib sfidi dejjem jippressaw fuq il-validità tiegħu minħabba kompetittività esterna, jekk saru, mhumiex jagħtuna l-għodda meħtieġa biex nifhmu sewwa x’inhi t-triq ‘il quddiem. Dan anke fid-dawl li l-kitba Maltija, illum tista’ tikkompeti ma’ kitbiet barranin minħabba diversi aspetti: kittieba li anke għandhom profil Ewropew – Immanuel Mifsud – produzzjoni, inċentiv, diversità u l-bqija.
Imma l-mistoqsija awtomatika hija din: Minkejja dan l-iżvilupp matul is-snin li fihom il-ktieb Malti ssielet l-akbar sfidi u wasal fejn wasal illum, għaliex is-settur tal-kitba għadu ma sabx il-livelli mistennija?
Mistoqsija diffiċli, li għaliha mhux lakemm jinstabu t-tweġibiet. Mhijiex mistoqsija li tista’ titwieġeb mill-politiku, mill-kittieb, mill-pubblikatur jew mill-qarrej, imma hija mistoqsija li tmur bil-wisq lil hinn minn hekk. Qabel xejn, irridu nidentifikaw li jekk hemm triq ‘il quddiem, din hija waħda ħolistika li ssib il-bażi tagħha fis-sistema edukattiva Maltija. Għadu validu fost uliedna l-ktieb? Jekk le, għaliex?
Il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia għarfet l-importanza li tilqa’ din il-mistoqsija bħala l-punt tat-tluq fi ħdanha waqt li tipprova ssaħħaħ il-pedamenti. Għalhekk, ma għandi l-ebda dubju li ntlaqgħet tajjeb tassew l-istedina tagħha għall-kittieba u l-pubblikaturi sabiex tisma’ mingħandhom l-oriġini tal-qagħda aktarx inkwetanti li tinsab fiha l-kitba lokali llum. L-attendenza minnha nnifisha kienet l-ewwel risposta: attendenza li ma tesprimix l-interess mistenni. Din hija ħasra, il-kitba Maltija għadha, aktar iva milli le, fuq livell dilettantesk aktar minn professjonali. Hawn verament kuxjenza dwar din il-problema? Huwa fid-dmir tal-politiku li jqajjem din it-tali kuxjenza? B’idi fuq qalbi, inwieġeb li allaħares ma jkunx hekk, u dan nista’ naffermah kemm mill-angolu professjonali tiegħi bħala edukatur li ngħallem – fost l-oħrajn – il-letteratura u l-kitba, kemm bħala politiku u kemm bħala kittieb li issa dieħel għat-tielet pubblikazzjoni tiegħi.
Qabel nikkummenta u forsi nwieġeb dwar dan, ikun għaqli li nassessja għal liema possibiltajiet dan is-settur jinsab fejn jinsab. Is-suq Malti hu dak li hu, bħalma l-ekonomija Maltija hi li hi. Minn lenti ta’ negozju, ma tistax tistenna li l-produzzjoni tiżdied jekk l-interess għall-ktieb Malti ma jiżdiedx. Għalhekk, l-isfida ewlenija hija l-promozzjoni tal-ktieb sabiex jitqanqal l-interess kemm fost il-qarrej li jaqbad il-ktieb Malti u kemm, ovvjament, fost iż-żgħażagħ li jridu jmissu mad-dinja tal-kompożizzjoni. Hawnhekk huwa l-irwol tal-politiku. Għaldaqstant huwa diżappuntanti meta tinnota – u hawn għal darb’oħra ma jidhirx li hawn studji li jikkwantifkaw dan l-argument – li minkejja f’Malta huma bosta li jaqraw, il-preferenza hija dik Ingliża.
Kif allura se nkunu qed inwieġbu għal din l-isfida? Kif nistgħu nippromowvu l-ktieb bil-Malti fost il-Maltin? Nittama li ma naslux sal-punt li sabiex il-kittieb Malti jistagħna mil-lat ta’ kitba ma jkun għad baqagħlu l-ebda alternattiva ħlief li jittraduċi u jappella għal udjenza barranija minflok dik lokali.
Il-Partit Nazzjonalista matul din il-leġiżlatura għamel avvanzi sostanzjali sabiex il-kultura tingħata l-ammirazzjoni li jixirqilha, u dan huwa ta’ min jiftaħar bih. Madankollu, inħoss li għadna lura fir-rigward tal-kitba, li bħalma fissirt aktar ‘il fuq hija wkoll ħolqa dehbija minn kullana kulturali. Nistenna għalhekk, li l-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ il-politika kulturali tiegħu billi jkun pro-attiv u jixpruna aktar l-entużjażmu fil-kitba Maltija billi jekk xejn jissussidja s-settur u jagħti spinta ‘l quddiem biex inkomplu nsaħħu dak llum qed ngħixu u li għada se nħallu warajna.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 27 ta’ April 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-8 distrett.