Lokali Parlament

Il-pajjiż u l-Partit Laburista qed jgħixu f’paraliżi – Id-Deputat Marlene Farrugia

Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jittratta lill-poplu bħal tfal mhux għax iħobbhom kif kien qal meta rebaħ l-elezzjoni. Illum il-pajjiż u l-Partit Laburista qed jgħixu f’paraliżi.

Meta tkellmet illejla fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, spjegat kif waqt li hu fatt li l-id il-leminija u x-xellugija tal-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, għandhom kont fil-Panama, il-Prim Ministru għadu ma ħa l-ebda pass.

Il-Prim Ministru għadu jaħseb li għaliex qed jagħti ġugarell lill-poplu, dan se jinsa. Minflok jinsa, il-poplu qed tikber fih ir-rabja.

Marlene Farrugia qalet li issa tħabbret ukoll ir-raba’ riżenja ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Dan hu ta’ tħassib. Filwaqt li f’pajjiżi fejn hemm aktar tolleranza għall-korruzzjoni saru investigazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-Panama, hawn Malta baqa’ ma sar xejn.

Id-Deputat indipendenti qalet li bħala ġugarell, il-Prim Ministru ppreżenta proġett fil-Marsa. Minflok ġiet riġenerata l-Marsa kif twiegħed fil-programm elettorali, se jinġiebu r-rigs biex issir manutenzjoni fuqhom fil-Marsa.

L-istess fil-każ tal-Air Malta, f’temp ta’ jumejn nibet memorandum of agreement li issa hemm imwiegħed li se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan ukoll hu ġugarell ieħor biex il-poplu jehda ftit mill-iskandlu tal-Panama. Ikkritikat lill-Prim Ministru li jaħseb li billi jagħmel hekk se jnessi lill-poplu l-iskandlu tal-Panama.

Marlene Farrugia rriferiet ukoll għat-twaqqif ta’ tinda fil-Pjazza ta’ Kastilja. Hemmhekk ħafna żgħażagħ staqsew x’inhu jsir fil-każ tal-governanza. Fi żmien għaxar ġimgħat, il-Gvern Malti se jkun qed jieħu t-tmexxija tal-UE. Malta se jkollha responsabbiltà akbar. Hi staqsiet kif se jkun qed jieħu t-tmexxija tal-UE b’Konrad Mizzi u Keith Schembri maġenb il-Prim Ministru?

Marlene Farrugia appellat li l-poplu mhux iħossu komdu li jitħabbru proġetti bi tnejn min-nies bħal dawk ħdejn il-Prim Ministru. Hi qalet li l-ħalfa tagħha bħala Membru Parlamentari hi lejn in-nazzjon mhux lejn il-Partit Laburista.

Marlene Farrugia appellat lill-membri tal-Gvern biex ineħħu l-madmad tad-deċiżjoni minn fuq il-Prim Ministru ħalli jkun jista’ jaħdem bla xkiel.

Id-Deputat indipendenti qalet li se jkun show of force f’Jum il-Ħaddiem. Hi qalet li l-ħaddiem m’għandux jintuża biex juri appoġġ lil persuna li qed tagħmel ħsara lil Malta. Jum il-Ħaddiem għandu jkun jum ta’ ċelebrazzjoni tal-kisbiet li għamel il-ħaddiem biex il-pajjiż jinsab fil-livell li hu llum. Jum il-Ħaddiem m’għandux jintuża biex il-Prim Ministru jkollu show of force.

Marlene Farrugia rriferiet għat-talba li għamel id-Deputat Nazzjonalista David Agius biex isir id-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiuċja fil-Ministru Konrad Mizzi. Hi qalet li ma tixtiqx li l-Parlament jasal għal dan il-pass, u l-pass deċiżiv ikun ittieħed mingħajr il-ħtieġa tal-mozzjoni li ppreżentat.