Internazzjonali

Impenn għat-Turkija bħala Stat sekulari

Il-Prim Ministru tat-Turkija, Ahmet Davutoglu, qal li l-Kostituzzjoni ġdida ta’ pajjiżu għandha tinkludi prinċipju tas-sekulariżmu. Dan waqt li hu għamilha ċara li ‘l-karattru demokratiku u sekulari tat-Turkija bl-ebda mod mhu se jitressaq għal dibattitu’.

Il-kummenti ta’ Davutoglu ngħataw wara li membru ewlieni tal-Partit Iżlamiku (AK) fil-Gvern sejjaħ biex il-kunċett tas-sekulariżmu jitneħħa mill-Kostituzzjoni tat-Turkija. L-Ispeaker tal-Parlament Tork, Ismail Kahraman, kien tenna li t-Turkija hi pajjiż Musulman u, għaldaqstant, għandha jkollha Kostituzzjoni reliġjuża. Kahraman, fil-preżent, qed jissorvelja t-tfassil tal-abbozz taċ-charter għall-Kostituzzjoni Torka.

It-Turkija hi membru fl-Alleanza tan-NATO u qed taspira li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Intant, il-kritiċi tal-Gvern Tork jinkwetaw li, bil-mod il-mod, qegħdin jitnaqqru l-għeruq sekulari tal-Istat modern tat-Turkija.

Il-partiti Torok fl-Oppożizzjoni huma anki mħassbin li l-Kostituzzjoni ġdida għandha tikkonċentra wisq poter f’idejn il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, li, min-naħa tiegħu, irid li s-sistema parlamentari ta’ pajjiżu tinbidel ma’ Presidenza eżekuttiva.