Joseph Muscat huwa responsabbli għall-kriżi fil-Korp tal-Pulizija
Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, irriżenja mill-Kariga li kien qed jokkupa. Hu informa lill-Prim Ministru li se jkun qed jirreżenja b’effett immedjat minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Il-Prim Ministru f’ittra b’risposta rringrazzjah tas-servizz li ta tul is-snin fil-Korp tal-Pulizija u aċċetta din ir-riżenja.
L-Assistent Kummissarju Lawrence Cutajar inħatar immedjatament Aġent Kummissarju tal-Pulizija.
Fi stqarrija b’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista nnota r-riżenja ta’ Michael Cassar minn Kummissarju tal-Pulizija u l-ħatra ta’ Lawrence Cutajar bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Dan ifisser li fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu l-ħames Kummissarju tal-Pulizija.
Il-kriżi li jinsab fiha l-Korp tal-Pulizija – b’rekord ta’ ħames Kummissarji tal-Pulizija fi tliet snin – hija r-riżultat tal-politika żbaljata ta’ Joseph Muscat. Mal-ħatra tiegħu, Muscat dgħajjef totalment l-istituzzjonijiet indipendenti ta’ pajjiżna, billi ħatafhom b’indħil politiku kontinwu.
Il-Korp tal-Pulizija tant spiċċa f’sitwazzjoni dgħajfa li baqa’ ma fetaħx investigazzjoni fuq il-Ministru u d-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, kif ukoll skandli oħra kbar ta’ korruzzjoni.
F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti sabiex l-interess nazzjonali, qabel il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, jinbidel il-mod ta’ kif jinħatru l-Kummissarji tal-Pulizija, b’dan li tiġi addottata l-proposta tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, jiġifieri li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.
//= $special ?>