Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja semgħet ir-rakkont ta’ koppja li kienu daħlu fuqhom żewġt irġiel fir-razzett tagħhom fĦad-Dingli għall-ħabta tal-4a.m. f’Jum l-Għid.
Ir-raġel irrakkonta li hu u martu kienu qed jaħilbu l-baqar meta f’ħin minnhom il-klieb bdew jinbħu u ħa l-qatgħa ta’ ħajtu meta wieħed mill-ħallelin kien qed jiġri warajh b’sikkina iżda rnexxielu jistaħba fl-għelieqi.
Min-naħa l-oħra. il-mara kienet baqgħet issummata fuq il-post u xehdet li qalgħet daqqiet ta’ ponn mingħand raġel ieħor li kien liebes helmet.
“Hu baqa jinsisti jitlobni l-flus u beda jkun iktar aġitat meta għedtlu li m’għandix flus fuqi tant li talabni nniżżel il-qalziet biex jara li qed ngħid il-verita. Hu telaq madwar kwarta wara hekk kif ir-raġel rnexxielu jikkuntattja l-pulizija.”
Il-mara kienet qed tixhed fil-każ kontra Maximilian Ciantar ta’ 26 sena akkużat b’attentat ta’ serq aggravat. Maximilian Ciantar hu magħruf sew mal-pulizija. Żagħżugħ ieħor, Darryl Anthony Anderson ta’ 19-il sena, ukoll jinsab akkużat bl-istess reat u li qed jgħaddi proċeduri separati.
Il-Qorti staqsiet ripetutament liż-żewġ xhieda jekk hux qed jagħrfu lill-allegati ħallelin hekk kif wieħed kien liebes helmet u l-ieħor kellu wiċċu mgeżwer f’xalla. Ir-raġel insista li r-raġel li kien qed jiġri warajh b’sikkina kien l-akkużat Maximilian Ciantar u għarfu “mill-għajnejn kbar kannella” tiegħu meta ġie wiċċ imb’wiċċ miegħu. Meta nġibditlu l-attenzjoni li dan mhux biżżejjed sabiex tistabilixxi l-identita’ tal-ħalliel, ir-raġel insista li l-akkużat kellu l-istess qagħda ta’ min ġera warajh.
Min-naħa tagħha, il-mara wkoll qalet li identifikat l-akkużat minn għajnejh. Hawnhekk, il-Maġistrat Aaron Bugeja rrimarka li dan mhux biżżejjed “għax anki jien nispiċċa suspettat għax anki jien għandi għajnejn kannella kbar”.
Dakinhar ir-raġel kien qed iġorr fuqu €1,100 fil-kartiera u l-mara qalet li dan hu normali għaliex ikun irid jixtri l-għalf u t-tiben. Iż-żewġ xhieda qalu li l-ħallelin ċarrtu żewġ tyres tal-vann tagħhom u serqu ċ-ċwievet.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Neville Mercieca filwaqt li l-Avukat Joe Brincat qed jidher għal Ciantar
//= $special ?>

